Il-ġuri tal-Għawdxi Paschalino Cefai, akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli fil-Qorti ta’ Għawdex, riesaq lejn tmiemu hekk kif għall-ħabta tal-4.30pm il-ġurati daħlu jiddeliberaw wara li ġew indirizzati mill-Imħallef Michael Mallia għal madwar ħames sigħat bid-deliberazzjoni tkompli għada hekk kif il-ġurati nformaw il-qorti li kienu għadhom ma’ wasslux għal verdett. Fil-fatt, fil-11.30am, l-Imħallef Mallia beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati. Il-ġuri, li daħal fir-raba’ jum tiegħu, kien karaterizzat mill-kontro-replika tad-Difiża mill-Avukat Edward Gatt, li talab lill-ġurati jatribwixxu lill-akkużat għal dak li hu biss ħati għalih.
Meta kien qed jagħlaq id-diskors tiegħu, l-Avukat Gatt qal li “ninasabu ffaċċjati b’każ ta’ attentat ta’ qtil li ma jeżistix u ferita gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, li m’hi gravi xejn f’għajnejn il-Liġi”, qal l-Avukat Difensur. Id-Difiża kkonkludiet li wara li annalizzat l-evidenza u wiżnet dak kollu li qalu x-xhieda, il-ġurati għandhom joħorġu b’verdett li ma jagħmel ġustizzja lil ħadd.
L-Avukat Gatt qal li “aħna ma lagħbna l-ebda logħba, ma għawwiġniex il-fatti, nispera li l-verdett jagħmel ġustizzja ma’ Cefai u jħallas tal-ħażin li għamel u mhux aktar. Iva, hu kkommeta feriti fuq Portelli, iżda qat ma kellu l-intenzjoni jew ipprova joqtol”, temm jgħid l-Avukat Gatt.
Quddiem l-Imħallef Michael Mallia, Paschalino Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, ta’ 56 sena wkoll miż-Żebbuġ Għawdex. Il-każ kien seħħ f’Awla tal-Qorti ta’ Għawdex f’Ġunju 2012, fejn allegatament Cefai ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli. Cefai qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, fejn minbarra dik ta’ attentat ta’ qtil hemm feriti ta’ natura gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, feriti ħfief fuq il-Marixxall Michelangelo Bajada, li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr għan leġittimu u arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Għal Cefai qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.
//= $special ?>