Editorjal

Editorjal: Il-ġid ta’ regoli ċari l-istess għal kulħadd

Illejla tibda l-akbar festa tal-akbar sport madwar id-dinja, it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol, fil-Brażil. Imma din il-ġrajja li tiġbed tant interess ta’ biljuni ta’ nies madwar id-dinja kollha għal xahar sħiħ ma ġġegħelniex nirriflettu fuq dan l-isport biss.

150 sena ta’ regoli tal-futbol
Fl-aħħar tas-sena l-oħra, fl-Ingilterra kienu qed ifakkru l-150 sena mit-twaqqif tal-Football Association. Dak it-twaqqif seħħ għax sal-1863, kien hemm ħafna timijiet, mhux fl-Ingilterra biss, jilagħbu xi forma ta’ logħob bil-ballun qisu futbol.

Imma l-problema l-kbira kienet li ma kienx hemm regoli ċari għal dan il-logħob u li kienu l-istess għal kulħadd. Mela jekk tim kien jistieden ieħor għal xi logħba, riedu joqogħdu jħaqquha qabel kif kellha tintlagħab dik il-logħba u r-regoli tagħha.

Żewġ faċċati ta’ regoli, bażi soda għal-logħba tal-futbol
Fl-aħħar tal-1863, ħdax-il tim minn skejjel u universitajiet Ingliżi ltaqgħu f’pub f’Londra għal sitt darbiet u fasslu sett ta’ regoli – erbatax-il regola qosra miktubin fuq żewġ faċċati – li taw bażi soda lill-akbar sport li tgawdi d-dinja kollha.

Ir-‘rule of law’
Għaliex? Għax ir-regoli ċari, imħaddmin sewwa u l-istess għal kulħadd huma l-bażi tal-ħajja soċjali tajba u tat-tlaqqigħ tal-bnedmin li jħalli l-frott. L-Ingliżi li oriġinaw ir-regoli tal-futbol illum huma forza l-aktar l-aktar nofsanija f’dal-isport, imma hemm xi ħaġa li ta’ min jammirahom fiha li hi dik li huma jsejħulha r-‘rule of law’.

Regoli l-istess għal kulħadd, anke għal min jikkmanda
Is-saltna tad-dritt tfisser li jidderieġi r-relazzjonijiet bejnietna ma jkunx hemm xi ħadd li jagħmel li jfettillu, imma jidderiġuna jkun hemm regoli ċari, li jiftehmu, li jsiru kemm jista’ jkun b’kunsens, mibdulin meta jinħass il-bżonn b’kunsens ukoll, imħaddmin minn ġustizzja indipendenti, li twettaq dawk ir-regoli b’mod l-istess għal kulħadd, għax kulħadd ikun suġġett għar-regoli, anke dak stess li jagħmilhom.

Kontroll ta’ min ikollu l-poter
Dal-kunċett żviluppa fl-Ingilterra minn ilu ħafna meta l-Parlament – ir-rappreżentanti tan-nies – bil-Magna Carta li s-sena d-dieħla tagħlaq 800 sena – ikkontrollaw il-poter tar-re u ddikjaraw li kulħadd hu taħt il-liġi, anke r-re – ħsieb rivoluzzjonarju.

U dan hu li naraw imqar fil-futbol:
– regoli ċari,
– sempliċi u qosra ħafna fil-fatt,
– li xterdu mad-dinja kollha,
– mifhuma mill-biljuni,
– ħadd fuqhom,
– kulħadd taħthom,
– imħaddmin minn referì indipendenti, mhux bla difett, imma b’mod li l-iżball tal-wieħed titgħallem minnu l-bqija.

U dan wassal biex id-dinja kollha tgawdi dan l-isport li hu mikrokożmu – turija fiċ-ċokon – ta’ ħafna valuri tal-bnedmin, fosthom il-ġid li joħroġ f’kull qasam meta noqogħdu għal regoli ċari u l-istess għal kulħadd.