Qorti

Emmanuel Camilleri jitlob li jerġgħu jinfetħu l-proċeduri kriminali quddiem il-Qorti

Permezz tal-Avukat tiegħu Tonio Azzopardi, Emmanuel Camilleri, li allegatament għamel kważi 400 ġurnata l-ħabs għalxejn wara li bintu kienet qalet li kien abbuża minnha u saħansitra stupraha, talab li l-proċeduri kriminali jerġgħu jinfetħu fid-dawl tal-iżviluppi ġodda li l-eks mara tiegħu Lisa May Camilleri ġiet akkużata li gidbet taħt ġurament.

Fir-Rikors li għamel fil-Qorti tal-Appell Kriminali quddiem l-Imħallef Tonio Mizzi, Camilleri qal li se jiġu prodotti provi ġodda biex Camilleri jnaddaf ismu minn kull akkużi u biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tiegħu li qatt ma kienet intatta. Minkejja li nħeles mill-ħabs il-ġimgħa li għaddiet, Camilleri għadu jiġi kunsidrat bħala “ħati” fid-dawl tal-Liġi. Hu nħeles mill-Qorti Kostituzzjonali wara li bintu qalet li kienet gidbet fuqu għax ommha ġiegħlitha tagħmel hekk.

L-Erbgħa, 5 ta’ Ġunju li għadda, f’deċiżjoni li tat, il-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi biex l-eks mara ta’ Emmanuel Camilleri titpoġġa taħt att ta’ akkuża. Għaldaqstant, Camilleri qed jitlob lill-Qorti biex issa li għandha provi ġodda teħilsu minn kull ħtija.