Lokali

F’pajjiżna hawn madwar 10,000 persuna li qed jaħdmu iżda jgħixu fi stat ta’ faqar

Minn Green Paper li ħareġ il-Gvern kif ukoll minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jirriżulta li bħalissa hawn madwar 10,000 persuna li qed jaħdmu, iżda li qed jgħixu fi stat ta’ faqar. Dan hu dovut l-aktar għall-fatt li m’għandhomx paga diċenti jew jaħdmu f’xogħol bi prekarjat. Dan ħareġ waqt Konferenza organizzata mill-Forum Kontra l-Faqar, li ddiskutiet il-faqar fix-xogħol.

Id-Direttur taċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja Fr Edgar Busuttil qal li hu ħażin li biex ikunu popolari xi politiċi jikkuntentaw għal mument kemm jista’ jkun nies. Hu qal li wieħed irid jieħu deċiżjonijiet favur dawk vulnerabbli fis-soċjetà għax hekk ikun sewwa u mhux għax jista’ jieħu vantaġġ minnhom. Hu qal li xi nies ma jistgħux jgħixu ħajja diċenti bil-paga minima nazzjonali u għalhekk hemm bżonn li jkun hemm paga minima li tkun ġusta għal kulħadd. Għalhekk tajjeb jekk ikun hemm top-up tal-paga minima.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli qal li x-xogħol jibqa’ fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-faqar u għalhekk l-isfida ta’ pajjiżna hi li jinħoloq aktar xogħol u xogħol aħjar. Hu qal li għalkemm f’Malta qed jinħoloq ix-xogħol, mhux jinħoloq xogħol biżżejjed għal kull min jixtieq jaħdem. Clyde Puli qal li l-edukazzjoni hi għodda kruċjali biex ikun hemm opportunitajiet aħjar ta’ xogħol. Hu saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar viġilanza kontra x-xogħol prekarju, filwaqt li rrefera wkoll għaċ-ċifra ta’ 10,000 persuna li qed jaħdmu iżda jinsabu fi stat ta’ faqar.

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comidini Cachia qalet li hu dritt li wieħed jagħżel li jkun membru ta’ union jew le, iżda kulħadd għandu jkun protett. Hi staqsiet kemm il-unions qed jgħinu lil persuni vulnerabbli u kemm il-ftehim kollettivi qed jieħdu ħsieb il-preġudizzji fil-post tax-xogħol. Therese Comidini Cachia qalet li jekk persuna vulnerabbli tkun mgħejjuna, tista’ tagħti kontribut lis-soċjetà u ma tibqax tiddpendi fuq ħaddieħor.

Frans Ripard, li ilu snin twal jaħdem fil-qasam soċjali, qal li hu tal-mistħija li f’pajjiżna kienu mpjegati biss ftit nies b’diżabbiltà. Hu fakkar li f’Malta hawn 4,500 persuna b’diżabbiltà intellettwali li leħinhom ma jinstemax. Kelliema oħrajn qalu li hemm bżonn li t-tfal fl-iskola jitgħallmu xi jfisser il-valur tax-xogħol u jitilgħu ukoll b’mentalità responsabbli. Kienet enfasizzata wkoll l-importanza li l-familji jitgħallmu jimmaniggjaw il-flus.

Il-konferenza ngħalqet mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.