Lokali Saħħa

Godfrey u Marlene Farrugia kontra proposta ta’ Chris Fearne dwar prodotti mediċinali bil-kannabis

L-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia u s-sieħba tiegħu Marlene urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-kummenti li għadda s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, li f’intervista ma’ The Times of Malta qal li l-Gvern ikun lest jikkunsidra biss proposti bħal dik li jintużaw prodotti mediċinali li jkollhom il-kannabis għal skopijiet mediċi jekk issir talba mill-industrija jew minn xi organizzazzjoni professjonali, iżda m’għandhomx ikunu l-politiċi li jagħmlu talbiet bħal dawn.

Dawn il-kummenti xejn ma niżlu tajjeb mal-eks Ministru Farrugia, li t-Tnejn li għadda fil-Parlament appella lill-Awtorità tal-Mediċini biex tikkunsidra proposta li ressaq hu f’dan is-sens, fejn argumenta li sustanzi simili, bħall-morfina, diġà qed jiġu amministrati fil-loppju, biex jittaffa l-uġigħ. Għalhekk, sostna Farrugia, hu kellu kull dritt joħroġ bi proposta bħal din, li kompla li kienet ibbażata fuq riċerka estensiva.

L-eks Ministru tas-Sahha kkummenta fuq Facebook u ddeskriva l-kummenti tas-suċċessur tiegħu bħala wieħed mhux xieraq, aktar u aktar meta ġej mingħand kollega professjonist fl-istess qasam. Godfrey Farrugia ħalla dan il-kumment fuq post ta’ Marlene Farrugia fuq Facebook, li xerrdet l-istorja bil-kummenti ta’ Chris Fearne lil The Times. Hi kkummentat li hu “totalment stupidu li tgħid li politiċi m’għandhomx joħorgu b’suġġerimenti bħal dawn” għax dan hu eżempju ta’ “arroganza per eċċellenza”, sostniet Farrugia.

Anzi, qalet il-backbencher Laburista, hu d-dmir tal-politiċi li joħorgu bi proposti f’isem il-poplu li jirrappreżentaw, iżda mbagħad f’idejn il-Gvern jekk jieħux dawn is-suggerimenti u jibda l-proċess biex jitpoggew fil-prattika inkella jinjorahomx, kif għandu kull dritt jagħmel, sakemm jispjega lill-poplu għaliex ikun iddeċieda li jagħmel hekk. Fuq l-istess post ikkummentat ukoll Yvonne Ebejer Arqueros tal-Alternattiva Demokratika, li fil-kumment tagħha qalet li dak li qal Fearne juri nuqqas ta’ kumpassjoni għal persuni li qed jikkumbattu mard li jista’ jkun fatali u kundizzjonijiet oħrajn.

Ebejer Arqueros qalet li Chris Fearne għandu jagħmel il-homework tiegħu sew qabel jagħti kummenti dwar trattament alternattiv, filwaqt li għandu jerġa’ jevalwa r-riperkussjonijiet tal-biża’ tal-kimoterapija. Hi offriet ukoll li tagħti l-informazzjoni mill-esperjenza tagħha.