Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Il-Eurostat terġa’ tikkonferma li l-produzzjoni mill-industrija f’Malta sejra ħażin

Statistika oħra tal-Unjoni Ewropea ppubblikata fl-aħħar sigħat tkompli tikkonferma kemm sejra ħażin il-produzzjoni mill-industrija f’Malta, hekk kif iċ-ċifri juru li għal darb’oħra pajjiżna qed imur kontra x-xejra tal-Istati Membri l-oħra. L-istatistika tal-Eurostat għal April 2014 turi li fl-UE u fiż-Żona Ewro, il-produzzjoni industrijali żdiedet sew fuq Marzu 2014 u anke fuq April 2013.

Iżda fiż-żewġ każi, il-produzzjoni mill-industrija f’Malta naqset sew. Mhux talli hekk, iżda talli fiż-żewġ każi Malta reġa’ kellha l-akbar tnaqqis minn fost l-Istati Membri kollha. Imqabbel ma’ Marzu 2014, f’April il-produzzjoni industrijali żdiedet b’0.7% b’medja fl-UE u b’0.8% fiż-Żona Ewro. Madankollu, f’Malta naqset b’6%, li hu l-akbar tnaqqis minn fost l-uniċi ħames Stati Membri li rreġistraw tnaqqis. Il-bqija tal-pajjiżi tal-UE rreġistraw żieda. Meta t-tqabbil isir fuq medda ta’ sena, ir-raiżultat hu agħar għax filwaqt li fuq sena qabel, il-produzzjoni industrijali fl-Ewropa żdiedet bi 2.1% bħala medja fl-UE u b’1.4% fiż-Żona Ewro, imqabbel ma’ April 2013 f’Malta naqset bi 11.4%.

Anke f’dan il-każ, dan hu l-akbar tnaqqis minn fost is-sitt Stati Membri li rreġistraw tnaqqis. F’dan il-każ, anke bejn il-ftit pajjiżi li rreġistraw tnaqqis, hemm differenza kbira għax filwaqt li Malta naqqset il-produzzjoni tal-industrija b’aktar minn 11%, l-eqreb pajjiż lejna hu l-Olanda bi tnaqqis ta’ 3%.