Ambjent Lokali

Il-MEPA tapprova ż-żarmar tal-impjant tal-gass LPG fil-Qajjenza

Il-Bord tal-MEPA illum approva ż-żarmar tal-impjant tal-gass LPG fil-Qajjenza li llum m’għadux jintuża. Il-proċess jinkludi t-tneħħija ta’ kull traċċi ta’ gass u ż-żarmar tat-tankijiet li fihom kien jintuża l-gass. Issa minflok qed jintuża l-impjant il-ġdid ta’ Gasco Malta Limited f’Birżebbuġa.

Sadattant, il-MEPA approvat il-permess biex jitwaqqa l-kumpless tal-Lukanda Clover, f’San Pawl il-Baħar u minflok tinbena lukanda ġdida b’erba sulari b’106 kamra u parkeġġ taħt l-art, ristorant, bar, uffiċċji u gymnesium.

F’deċiżjoni oħra l-bieraħ, il-Bord tal-MEPA qabel li jkun mibdul permess li nħareġ f’Ottubru 2010 biex tinbena kamra fuq dar antika f’Tas-Sliema. Il-permess kien jinkludi alterazzjonijiet interni. Issa l-applikant se jkollu jwaqqa’ il-kamra eżistenti u jista’ biss jibni taraġ u washroom li jkunu aktar ‘il ġewwa kemm minn Triq Rudolph u Triq Alphonse.

Wara spezzjonijiet li saru mid-Direttorat tal-Infurzar tal-MEPA aktar kmieni din is-sena, irriżulta li l-wisa’ taż-żewġ toroq, kif iddikjarat mill-perit, kienu jvarjaw mill-wisa’ attwali, tant li t-toroq huma idjaq. Minħabba li l-wisa’ tat-toroq kellu impatt fuq id-deċiżjoni tal-ippjanar, id-Direttorat tal-Ippjanar beda proċeduri biex il-permess oriġinali jkun modifikat.