Lokali Parlament Saħħa

Il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-obeżità hi pass konkret għall-ġid tal-familji u t-tfal – il-MNPN

Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) fi stqarrija esprima sodisfazzjon għall-Private Member’s Bill li kien ippreżentat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-jiem li għaddew dwar il-ġlieda kontra l-obeżità. L-MNPN qal li hu fatt li n-numru ta’ nies b’piż żejjed qed jikber b’mod allarmanti u għalhekk din l-inizjattiva mill-Oppożizzjoni hi pass konkret fil-ġlieda kontra l-obeżità, għall-ġid tal-familji u t-tfal kollha ta’ pajjiżna.

Il-proposta tinkludi t-twaqqif ta’ Kunsill Konsultattiv li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet fuq strateġiji, pjani ta’ azzjoni u suġġerimenti dwar x’tip ta’ ikel jiġi kkunsmat fl-iskejjel. L-MNPN qal li jinsab ċert li dan se jwassal għal stil ta’ ħajja aħjar, aktar u aktar meta mżewweġ ma’ numru regolari ta’ sigħat iddedikati għal eżerċizzju fiżiku fl-iskejjel.

Fl-istqarrija, il-MNPN qal li jittama li dawn il-proposti jkunu diskussi mill-aktar fis fil-Parlament u li jkun hemm qbil u koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni halli llum qabel għada, mhux biss tkun ikkontrollata l-problema ta’ piż żejjed, iżda jibdew jitrawwmu ġenerazzjonijiet ġodda aktar konxji ta’ stil ta’ ħajja li tkun ta’ benefiċċju fiżiku, mentali u finanzjarju.