“Il-Partit Nazzjonalista jrid jkun ta’ eżempju, bis-serjeta’ u bil-ħidma sfiqa tal-kunsillieri, fejn għandu maġġoranza fil-kunsilli lokali.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta indirizza laqgħa dwar il-kunsilli lokali fid-Dar Ċentrali l-Ħamis filgħaxija.
Simon Busuttil stqarr li issa, iktar minn qatt qabel, hu l-mument li kulħadd jiġbed ħabel wieħed sabiex il-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ. Hu stqarr li l-erba’ snin li ġejjin se jkunu ibsin, iżda l-PN ma jaqtax qalbu u hu magħruf li jirbaħ l-isfidi li jsib quddiemu.
Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-proposta tal-Prim Ministru li ma jagħmilx l-elezzjonijiet lokali fl-2015 – aġir li wassal lill-gvern biex għamel proposta anti-demokratika.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru qed jagħmel dan bla rispett lejn id-demokrazija, filwaqt li sostna li Muscat m’għandux jilgħab bid-demokrazija; m’għandux jieħu d-dritt li jsiru elezzjoni lokali b’kapriċċ. Għaldaqstant, l-elezzjonijiet lokali jridu jsiru b’mod stabbilit, sostna l-Kap tal-PN.
Fil-laqgħa, li għaliha attendew ukoll r-rappreżentanti tal-Kulleġġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, KKLPN, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Kunsilli Lokali David Agius ta rendikont tal-ħidma li saret matul dawn l-aħħar xhur, dwar l-Kunsilli Lokali u kif l-Partit Nazzjonalista qed jibni l-politika tiegħu dwar diversi temi tal-Kunsilli Lokali. Jiġifieri dwar il-bżonn ta’ politika nazzjonali komuni u ta’ ftehim bejn l-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Ezempju ċar ta’ dan, spjega David Agius, kien il-fatt li, fil-Parlament, l-Oppozizzjoni ssekondat u fil-fatt għaddiet minn kull stadju u saret liġi, il-liġi li biha ż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jivvutaw ta’ 16 il-sena, fl-elezzjonijiet ta’ Marzu 2015.
David Agius fisser il-proposta ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-sistema tal-infurzar lokali u qal li, fil-jiem li ġejjin, hu kien se jippublika l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan l-qasam.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal-Kunsilli Lokali David Agius feraħ lil Membri eletti l-ġodda tal-Kumitati Amministrattivi u qal li, filwaqt li l-Partit jirrikonoxxi r-riżultat pożittiv li ġab f’dawn l-elezzjonijiet amministrattivi, hu qed iħares ‘il quddiem u beda l-eżerċizzju tiegġu biex jsib u japprova kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss.
David Agius qal li permezz ta l-AŻAD se jibdew jsiru korsijiet relatati mal-Kunsilli Lokali, kemm għall-kunsillieri eżistenti, kif ukoll għall-kandidati l-ġodda. Hu fakkar lill-kunsillieri lokali u l-membri tal-Kumitati Amministrattivi, li issa li għaddew l-emendi għall-istatut l-ġdid tal-PN, huma kolla għandhom l-vot fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm, fost oħrajn, l-Ewro Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, diversi deputati Nazzjonalisti u uffiċjali tal-Partit.
//= $special ?>