Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista laqa’ d-deċiżjoni tal-Malta Freeport li jirrinunzja għad-dritt miksub fl-għoti tal-permess ambjentali mill-MEPA biex jibdew isiru xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ oilrigs fil-Bajja ta’ Birżebbuġa.
Il-PN kien esprima ruħu kontra li jinħareġ dan il-permess mill-MEPA, tant li r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA Ryan Callus ivvota kontra li jinħareġ dan il-permess.
Fid-dawl tal-fatt li dawn ix-xogħolijiet ta’ manutenzjoni fuq oilrigs jistgħu jsiru barra l-Port u fl-ibħra territorjali Maltin, dan il-permess qatt ma kellu jingħata biex isir fil-Port ta’ Birżebbuġa.
Il-PN fakkar li fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern kien daħal fi ftehim mal-Malta Freeport Terminals Limited biex issir kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ €100,000 li permezz tagħha jsiru proġetti soċjali fil-lokalitajiet l-aktar milquta mill-operat tal-Freeport.
Uħud minn dawn il-fondi ntużaw minn St Peter’s Football Club, minn Birżebbuġa Aquatic Club, minn Birżebbuġa Regatta Club, mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u mill-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa.
//= $special ?>