Lokali

Individwu li ilu mejjet 30 sena jirċievi invit għal test tal-kanċer fil-musrana

Il-kanċer fil-musrana l-kbira huwa wieħed mill-aktar forom ta’ kanċer komuni f’Malta. Kull sena, mal-100 Malti u Maltija jmutu kaġun ta’ dan il-kanċer. Dan il-kanċer jista’ jingħata t-trattament li jwassal għal fejqan, jekk dak li jkun jinduna bil-kancer kmieni kemm jista jkun.

Kien għalhekk li fl-2012, il-Gvern Nazzjonalista introduċa proċess ta’ screening għal dan il-kanċer.

Kull sena, jiġu mistiedna 15,000 Malti u Maltija biex jagħmlu dan l-iscreening bħala parti mill-pjan nazzjonali dwar il-kanċer.

Ovvjament, biex tmur għal dan it-test trid tkun ħaj. Għax jekk ma tkunx ħaj, żgur li ma tistax tmur tagħmel it-test, u ovvjament, żgur li m’għandekx dan it-tip ta’ kanċer.

Iżda… kif tistgħu taraw f’ittra li qed jizvela dan is-sit… fl-aħħar jiem, f’dar partikolari f’Malta waslet ittra indirizzata lil individwu li ilu mejjet 30 sena. Miet f’Ottubru tal-1984.

F’din l-ittra mibgħuta miċ-Ċentru Nazzjonali għall-iscreening, li ovjament infetħet mill-qraba tiegħu, kien hemm proprju stedina biex dan ir-raġel imur jagħmel it-test għall-kanċer tal-musrana.   Ovvjament din l-ittra li ntbagħtet għal xejn għax ir-ragel huwa mejjet ikkawzat uġigħ mhux ftit għall-qraba ta’ dan ir-raġel għax reġghet fakkrithom f’membru tal-familja li ilu li miet 30 sena.

Il-programm nazzjonali tal-iscreening, tgħid l-ittra, għandu l-iskop li jippervjeni mwiet bil-kanċer – f’dan il-każ il-Colorectal Cancer – bil-Ministeru responsabbli mis-Saħħa, li bagħat l-ittra f’isem iċ-Ċentru Nazzjonali għall-iscreening, jispjega li isem il-persuna li tirċievi l-ittra, biex jibagħtu għaliha għat-test b’xejn, ikun ittella’ mir-rekords tal-Gvern wara li jkunu saru arranġamenti speċjali biex ir-Reġistru jagħżel isem dik il-persuna partikolari.  It-tajba li l-ittra tenfasizza li dan kollu jsir b’rispett lejn il-liġi tal-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.

Lil dak li jkun ittella’ ismu, l-ittra tinfurmaħ li jekk jaċċetta l-invit biex jipparteċipa, fil-ġimgħa ta’ wara jibgħatulu pakkett ta’ stedina li jkun fih il-kit tat-test bl-istruzzjonijiet u ktejjeb ta’ informazzjoni.

Għal xi raġuni, minkejja li f’dan il-każ partikolari l-ittra kienet datata t-13 ta’ Frar ta’ din is-sena – jiġifieri 4 xhur ilu, waslet għand din il-familja din il-ġimgħa.