Lokali

L-iżvilupp kostituzzjonali ta’ Malta hu proċess ħaj – il-President ta’ Malta

L-avvenimenti tas-Sette Giugno taw bidu għall-iżvilupp kostituzzjonali ta’ Malta, li hu proċess ħaj. Mill-1919 ‘l hawn seħħ proċess fil-mixja demokratika ta’ pajjizna u li għandu jkun konsolidat. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet dan waqt ċerimonja tal-għoti tal-midalji li fakkret il-75 anniversarju mill-introduzzjoni mill-ġdid tas-Self Government. L-attività saret ilbieraħ filgħaxija fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt.

Dawk li ngħataw il-Midalja mill-President ta’ Malta, għax servew fil-Parlament fis-7 ta’ Ġunju 1996, kienu Alfred Sant, Lawrence Gonzi, Louis Galea, Tonio Borg u John Dalli, li ma kienux preżenti, u Michael Frendo, Ninu Zammit, Louis Deguara u Noel Farrugia. Il-President ta’ Malta fissret kif f’pajjiż demokratiku, il-proċess kostituzzjonali jinżamm ħaj mir-rappreżentanti tal-poplu li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jifhmu l-aspirazzjonijiet ta’ ġenshom u jaħdmu biex jilħquhom.

Marie Louise Coleiro Preca spjegat li l-Gvern Kolonjali, ippressat mill-avvenimenti tas-Sette Giugno, introduċa Kostituzzjoni li għall-ewwel darba tat lill-Maltin Parlament magħmul għal kollox minn rappreżentanti eletti u fejn ir-rappreżentanti tal-poplu setgħu jagħżlu l-Gvern tagħhom. Għalhekk, fl-1 ta’ Novembru 1921 ġiet inawgurata l-Assemblea Leġislattiva taħt il-Kostituzzjoni tas-Self Government, li tat lil Malta forma ta’ Gvern responsabbli.

Il-President ta’ Malta fakkret li proprju fl-irvellijiet tal-1919, nibtu movimenti politiċi-soċjali-kulturali li ħallew marka qawwija fl-iżvilupp kostituzzjonali tal-gżejjer Maltin. Hi sostniet li l-mixja kostituzzjonali u demokratika ta’ poplu sovran ma tieqaf qatt. Il-mexxejja politiċi ta’ dan il-pajjiż qed jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u qed jifhmu li l-għodda kostituzzjonali tagħna teħtieġ taġġorna ruħha biex tlaħħaq mal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Malti.

Matul is-snin, kull ġenerazzjoni wieġbet għas-sejħa ta’ pajjiżna u offriet is-servizz ta’ ċittadini li ntegraw biex jimlew rwoli diffiċli fil-ħajja politika ta’ Malta. “Irridu nirrispettawhom u napprezzaw is-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu huma u l-familji tagħhom biex iservu lil pajjiżna”, temmet tgħid il-President ta’ Malta.