Edukazzjoni Lokali

L-MUT b’tilwima industrijali dwar Supply LSAs u Għalliema ntitolati għal kuntratt indefinit

Il-Union tal-Għalliema (MUT) iddikjarat tilwima industrijali mal-awtoritajiet tal-Edukazzjoni dwar numru ta’ Supply LSAs u Għalliema li huma ntitolati għal kuntratt indefinit. L-MUT ilha ħafna tikkomunika mal-awtoritajiet tal-Edukazzjoni dwar dawn il-membri tagħha fl-Iskejjel tal-Istat. Dawn kienu se jaħdmu b’mod indefinit għal aktar minn sentejn, iżda għal raġunijiet burokratiċi għadhom jistennew sal-lum.

Il-Union ilha xhur sħaħ titlob lid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jipproċessa dawn il-każi. Madankollu, it-talbiet ma ġewx indirizzati, għad-detriment tal-membri konċernati. L-MUT tat ultimatum lid-Direttorat biex jipproċessa l-każi pendenti kollha sal-10 ta’ Ġunju ħalli din is-sitwazzjoni inaċċettabbli ssolvi ruħha darba għal dejjem. Madankollu, l-MUT ġiet infurmata li l-proċess għadu pendenti u mhux konkluż.

Għaldaqstant, irreġistrat tilwima industrijali mal-awtoritajiet u qalet li se toħroġ direttivi lill-impjegati konċernati, filwaqt li tittieħed kull azzjoni possibbli jekk is-sitwazzjoni ma tissolviex fi żmien qasir.