Lokali

Liġi li tirregola l-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ: pass ieħor ‘il quddiem

Fil-Parlament, din il-ġimgħa ġiet approvata b’mod unanimu Liġi li tirregola l-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ (Youth Workers). Din il-Liġi, li ġiet imfassla fil-leġiżlatura li għaddiet, hi mibnija fuq kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u timmarka kontinwità f’dan is-settur importanti.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li jilqa’ wkoll il-fatt li l-proposti li ressaq fi stadju tat-Tieni Qari ġew approvati u se jwasslu biex dan is-settur jinvolvi aktar lill-għaqdiet non-governattivi.

Il-PN talab biex tinbidel il-kompożizzjoni tal-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ, biex minn seba’ membri nnominati mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, issa se jkunu erba’ membri biss li jinħatru mill-Ministru, filwaqt li l-kumplament tal-membri jinħatru minn għaqdiet non-governattivi li jinvolvu liż-żgħażagħ.

L-istqarrija qalet li ta’ min wieħed jinnota wkoll li filwaqt li l-Gvern ressaq emenda biex il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) ma jkunx inkluż bħala wieħed mill-għaqdiet non-governattivi li jpoġġu fuq il-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ, l-Oppożizzjoni saħqet li din l-emenda tiġi eliminata u b’hekk il-KNŻ jiġi integrat b’mod sħiħ f’dan il-Bord. Il-PN jemmen li ż-żgħażagħ għandhom ikunu parteċipi u mhux spettaturi fil-mixja politika ta’ pajjiżna.

Il-PN qal li jemmen li r-rikonoxximent tal-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ hu pass ieħor importanti ‘l quddiem biex ix-xogħol relatat mal-iżvilupp taż-żgħażagħ jiġi professjonalizzat u speċjalizzat.