Għajnejn kulħadd mil-lejla jduru lejn il-Brażil, hekk kif waslet biex tibda edizzjoni oħra tat-Tazza tad-Dinja. Din se tkun l-20 edizzjoni tal-akbar manifestazzjoni dinjija fil-futbol. It-Tazza tad-Dinja ssir kull erba’ snin u għax-xahar li ġej, se ġġiegħlna nwarrbu kollox fil-ġenb ninsew il-bqija u niffukaw biss fuq dak li se jkun qed jiġri fil-Brażil.
Kollox jingħata bidu llejla, fit-3.15pm ħin fil-Brażil (8.15pm ħin f’Malta), x’ħin fl-Arena de Sao Paolo tibda ċ-ċerimonja tal-ftuħ. Imbagħad, eżatt wara u fl-istess stadium, tintlagħab l-ewwel partita li, kif inhi t-tradizzjoni, tkun tinkludi lill-pajjiż organizzatur li qed jospita din il-fażi finali. Illejla, fl-10pm ħin f’Malta, il-Brażil jiltaqgħu mal-Kroazja f’partita minn Grupp A.
B’kollox, 32 pajjiż se jkunu qed jikkompetu bejniethom fi tmien gruppi differenti ta’ erba’ timijiet kull wieħed. Iżda bla dubju ta’ xejn, l-aktar partita mistennija minna l-Maltin se tkun dik bejn l-Italja u l-Ingilterra, li għal ħafna Maltin qisha finali antiċipata tal-kompetizzjoni. Partita li se tintlaghab fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin f’12am ħin ta’ Malta.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ, li se tkun waħda qasira ta’ madwar 30 minuta, qed tkun deskritta bħala waħda li se tiċċelebra dak kollu li jaf joffri l-Brażil: in-natura, il-poplu u ovvjament, ma jistax jonqos il-futbol, li għalih hu magħruf dan il-pajjiż fl-Amerika Latina. F’pajjiż magħruf għas-Samba u għall-Karnival ikkulurit, il-foresta tal-Amazon u x-xtajtiet kbar bħal Copa Cabana, il-Brażil għandu ħafna u ħafna x’joffri għall-miljuni ta’ viżitaturi li nvadewh għal dan ix-xahar ta’ logħob, li naturalment iġib miegħu spinta għat-turiżmu għall-pajjiż organizzatur.
Madanakollu ma naqsux ukoll il-problemi, hekk kif l-awtoritajiet Brażiljani qed jiġu kkritikati għax nefqu wisq flus fuq it-Tazza tad-Dinja meta l-pajjiż għandu problemi ta’ faqar u kundizzjonijiet ħżiena għall-ħaddiema. Dan wassal saħanistra għal azzjonijiet industrijali propju fil-jiem ta’ qabel it-Tazza tad-Dinja, li fost l-oħrajn ħolqu kaos fit-traffiku u fl-ajruporti.
Bit-theddida ta’ aktar dimostrazzjonijiet u protesti li jistgħu jkunu vjolenti, il-Brażil mhu qed jieħu l-ebda riskju u s-sigurta` madwar il-logħob hi waħda qawwija.
Lura għall-futbol, f’temperaturi għoljin tipiċi għal dan il-pajjiż ta’ 190 miljun persuna f’dan iż-żmien tas-sena, il-partiti se jintlagħbu fi 12-il grawnd mifruxin mal-Brażil kollu.
B’kollox iridu jintlagħbu 64 logħba fi kważi 100 siegħa ta’ spettaklu ta’ futbol, bil-Finali tat-13 ta’ Lulju se tintlagħab fil-Maracana f’Rio de Janiero, għad-dell tal-istatwa ta’ Kristu Redentur, simbolu tal-belt ta’ Rio. Dan l-istadium darba kien kapaċi jieħu 200,000 persuna, iżda llum jesa sa 75,000.
//= $special ?>