Lokali

Organizzata l-konferenza nazzjonali u annwali “Insurance Europe”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assikurazzjoni organizzat il-konferenza internazzjonali u annwali tagħha, bl-isem “Insurance Europe”. Din il-konferenza hi ta’ mportanza għal kull min jaħdem fil-qasam tal-assikurazzjoni u fiha pparteċipaw ukoll diversi kelliema internazzjonali li spjegaw kif qed jaraw il-futur ta’ dan is-settur f’pajjiżna vis-a-vis is-suq kompettitiv li joffri pajjiżna.

Fil-ftuħ tal-konferenza, għamel id-diskors tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat, li spjega kif Malta dejjem għarfet liema kienu dawk is-setturi li l-aktar irendu għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Hu fakkar kif b’mod partikolari, fis-settur tas-servizzi finanzjarji u dak tal-assikurazzjoni, fl-aħħar snin pajjizna rnexxielu jattira investituri importanti mhux biss lokali iżda anke barranin grazzi wkoll għall-aċċess li għandu pajjiżna għas-suq komuni li n-negozji jgawdu minnu permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Joseph Muscat irrimarka wkoll kif fis-settur tal-assikurazzjoni hemm numru kbir ta’ mpjegati li l-pajjiż irid jara li joffrilhom settur kompetittiv ħalli x-xogħol tagħhom ikun assigurat.

Sadanittant, f’attività separata, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ndirizza l-ħames kungress li qed isir f’Malta dwar ir-riskji internazzjonali u l-assikurazzjoni. Il-Ministru Scicluna qal li f’Malta hawn integrazzjoni tajba ta’ diversi setturi, speċjalment fejn jidħlu dawk tal-assikurazzjoni li minkejja r-riskji li jpoġġi s-suq internazzjonali, xorta jibqgħu kumpaniji b’saħħithom.

Edward Scicluna qal ukoll li llum numru ta’ kumpaniji legali u anke tal-awditjar saru jispeċjalizzaw fil-qasam tal-assikurazzjoni u b’hekk ikomplu jiddiversifikaw l-oqsma li jaħdmu fihom.