Qorti

Reġa’ pospost il-każ dwar il-qtil tal-annimali u l-moħqrija tagħhom fil-Mosta

Il-kumpilazzjoni li kellha titkompla quddiem il-Maġistrat Carol Peralta kontra Nicholas Grech, ta’ 37 sena mill-Mosta, kienet għal darb’oħra posposta wara li t-tliet esperti psikjatri appuntati mill-Qorti għamlu talba ta’ ġimgħa oħra għall-estensjoni tar-rapport li kellhom jikkonkludu.

Nicholas Grech, Inġinier mal-Korporazzjoni Enemalta, kien tressaq il-Qorti f’Marzu li għadda bi krudeltà fuq l-annimali, li offenda l-fidi Kattolika u li b’mod illegali daħal f’numru ta’ Kappelli. Hu wieġeb mhux ħati u talab biex isirlu eżami psikjatriku. Hu kien inżamm taħt arrest preventiv fl-isptar Monte Carmeli.

Il-kumpilazzjoni kienet l-ewwel ġiet posposta fl-1 ta’ April li għadda minħabba li l-eżami psikjatriku ma kienx tlesta. Il-Qorti kienet talbet biex ir-rapport ikun wieħed dettaljat u komprensiv. Madankollu, waqt li kienu qed jinġabru l-provi, irriżulta li wieħed mill-psikjatri appuntati, Joe Pisani, kien ilu li miet sentejn. Kien għalhekk li kien ġie appuntat ieħor.

Il-każ kellu jkompli dalgħodu, iżda l-psikjatri Ethel Felice, Peter Muscat u David Cassar talbu lill-Qorti għal estensjoni ta’ ġimgħa għax kien baqalhom x’jagħmlu. Il-każ ikompli fl-24 ta’ Ġunju li ġej.