Għajnejn kulħadd…b’mod partikolari d-dilettanti kollha tal-futbol….imma mhux biss….jinsabu fuq il-Brażil hekk kif il-Ħamis filgħaxija bdiet l-20 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, meqjusa bħala l-akbar manifestazzjoni dinjija f’dan l-isport.
It-Tazza tad-Dinja bdiet b’ċerimonja spettakolari tal-ftuħ fl-Arena de Sao Paulo quddiem aktar minn 60 elf spettatur u quddiem aktar minn biljun telespettatur madwar id-dinja. Iċ-ċerimonja kienet deskritta bħala tribut lejn il-Brażil u t-teżori tiegħu, jiġifieri, in-natura, il-poplu u l-futbol.
Dan l-ispettaklu li ħa madwar xahrejn biex tfassal, dam ftit inqas minn nofs siegħa u ingħalaq b’kantanti magħrufa jinterpretaw il-kanzunetta uffiċjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza tad-Dinja, ‘We Are One’.
Fl-ispettaklu ħadu sehem aktar minn 600 żeffien u żeffiena li varjaw minn ġinnasti, trampolinisti, stilt walkers u capoeiras, jiġifieri arti marzjali Brażiljana li tgħaqqad iż-żfin mal-akrobazija.
B’kollox 32 pajjiż qed jikkompetu bejniethom fi tmien gruppi differenti ta’ erba’ timijiet-il wieħed. Imma bla dubju ta’ xejn l-aktar partita mistennija minna l-Maltin se tkun dik ta’ Grupp D bejn l-Ingilterra u l-Italja, matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej.
Madanakollu ma naqsux ukoll il-problemi hekk kif l-awtoritajiet Brażiljani qed jiġu kkritikati għax nefqu wisq flus fuq it-Tazza tad-Dinja. Dan meta l-pajjiż għandu problemi ta’ faqar u kundizzjonijiet ħżiena għall-ħaddiema. U dan wassal saħanistra għal azzjonijiet industrijali propju fil-jiem ta’ qabel it-Tazza tad-Dinja, li fost l-oħrajn ħolqu kaos fit-traffiku u fl-ajruporti.
Bit-theddida ta’ aktar dimostrazzjonijiet u protesti li jistgħu jkunu vjolenti, il-Brażil mhux qed jieħu l-ebda riskju u s-sigurta’ madwar il-logħob hi waħda qawwija.
Lura għall-futbol, f’temperaturi għoljin tipiċi għal daż-żmien tas-sena f’dan il-pajjiż ta’ 190 miljun ruħ, il-partiti se jintlagħbu fi tnax-il grawnd mifruxin mal-Brażil kollu – Manaus, Fortaleza, Belo Horizonte, Curitiba, Brasilia, Rio, Porto Alegre, Sao Paolo, Salvador, Recife, Natal u Cuiaba.
B’kollox iridu jintlagħbu 64 logħba, bil-finali tat-13 ta’ Lulju se tintlagħab fil-Maracana – l-istadium mitiku meqjus bħala ikona tal-futbol fid-dinja, f’Rio de Janiero, li sa l-1960 kienet il-kapitali tal-Brażil qabel ħaditilha postha l-belt ta’ Brasilia. Għad-dell tal-istatwa ta’ Kristu Redentur, simbolu tal-belt ta’ Rio, dan l-istadium darba l-akbar wieħed fid-dinja li kien jakkomoda 200,000 ruħ – illum jesa sa 75 elf.
L-ewwel logħba ta’ din il-kompetizzjoni ser tkun dik bejn il-Brażil u l-Kroazja li tibda fl-għaxra tal-llejla, ħin Malti.
//= $special ?>

