Lokali

5% biss tal-appelli dwar kuntratti pubbliċi qed jiġu milqugħa

Huma biss 5% tal-appelli li qed isiru għall-kuntratti pubbliċi li qed jiġu milqugħa, bil-maġġoranza assoluta tal-appelli jsiru fuq kwistjonijiet sekondarji li jistgħu jkunu spjegati jekk il-kuntratturi janalizzaw sew l-applikazzjonijiet. Dettalji dwar is-sena ħidma 2013 tal-Bord tal-Appelli tal-Kuntratti Pubbliċi ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Il-Ministru Scicluna qal li din hi l-ewwel darba li d-Dipartiment tal-Kuntratti Pubbliċi qed jippubblika l-każi kollha, flimkien mas-sentenzi mogħtija. Hu enfasizza l-importanza li tkompli tiżdied l-effiċjenza fid-deċiżjonijiet, filwaqt li spjega kif l-ewwel impenn kien li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-każi li kienu b’lura. Dan għall-fatt li l-Unjoni Ewropea ndikat il-Bord tal-Appelli fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi bħala struttura ta’ burokrazija li jeħtieġ tkun indirizzata.

Jirriżulta li l-appelli mismugħa u deċiżi ammontaw għal 135 b’valur ta’ €73 miljun, fejn l-akbar problema kienet li l-applikanti ma kienux qed jimxu skont ir-regoli speċifikati. Jirriżulta wkoll li l-akbar problemi qed jinħolqu f’offerti maħruġin mill-Kunsilli Lokali. Dan wassal biex id-Dipartiment se jorganizza korsijiet għas-Segretarji Eżekuttivi u l-membri tal-Kunsilli Lokali biex ikunu evitati problemi f’dawn il-kuntratti.

L-aktar ammont ta’ appelli qed isiru fil-kategorija ta’ bejn it-€12,000 u l-€120,000. Mill-135 appell li sar, 5% biss ingħataw raġun u mit-total fadal biss 14-il każ pendenti. Il-Ministru Scicluna qal li kien hemm bidla fil-prijorità fl-appelli, fejn din ingħatat lil proġetti marbuta ma’ fondi tal-UE, proġetti ta’ saħħa u proġetti fl-edukazzjoni. Tnaqqas ukoll il-perjodu ta’ aġġudikazzjoni, li issa hu wieħed ta’ sitt ġimgħat.