Paschalino Cefai instab mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil, iżda ħati ta’ feriti gravi. Hekk iddeċiedew il-ġurati fil-ġuri ta’ Paschalino Cefai, li ftit qabel it-3pm ħarġu bil-verdett tagħhom. Issa, l-Imħallef Michael Mallia mistenni jagħti s-sentenza dalwaqt. Dalgħodu l-ġurati komplew jiddeliberaw wara li lbieraħ filgħaxija waqfu jiddeliberaw meta avżaw lill-Qorti li kienu għadhom ma waslux għal verdett. Huma bdew jiddeliberaw ilbieraħ stess, għall-ħabta tal-4.30pm, wara li kienu ndirizzati mill-Imħallef Michael Mallia għal madwar ħames sigħat.
Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex, qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, ta’ 56 sena wkoll miż-Żebbuġ Għawdex. Il-każ kien seħħ f’Awla tal-Qorti ta’ Għawdex f’Ġunju 2012, fejn allegatament Cefai ta 14-il daqqa ta’ sikkina lil Portelli. Cefai qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, fejn minbarra dik ta’ attentat ta’ qtil hemm feriti ta’ natura gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, feriti ħfief fuq il-Marixxall Michelangelo Bajada, li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr għan leġittimu u arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Għal Cefai qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-Prosekuzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco, Gianella Busuttil u Vincienne Vella.
//= $special ?>
