Bastiment navali tan-NATO llum beda żjara qasira f’pajjiżna bħala parti mill-missjoni navali tiegħu fil-Mediterran. Il-bastiment, li hu speċjalizzat f’missjonijiet kontra l-mini fil-baħar, bħalissa qed jagħmel ħidma ta’ sigurtà u jinsab f’Malta biex tissaħħaħ dejjem aktar ir-relazzjoni bejn in-NATO u Malta.
Matul din iż-żjara, membri tan-NATO se jipparteċipaw ukoll f’sessjonijiet ta’ taħriġ mal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll se jkollhom l-opportunità jżuru siti storiċi u kulturali f’pajjiżna.
Aktar kmieni llum, il-ġurnalisti Maltin kienu mistiedna jżuru dan il-bastiment. F’kumment lill-media, il-Kmandant tal-bastiment Matthias Seipel enfasizza dwar l-importanza li jkompli jinżamm id-djalogu bejn in-NATO u Malta għax dan jgħin biex jiżdied l-għarfien dwar ir-reġjun u tissaħħaħ il-koperazzjoni mas-sieħba fil-Mediterran.
Fost oħrajn, fl-aħħar snin dan il-bastiment kien involut f’missjonijiet relatati mal-operazzjonijiet tan-NATO “Active Endeavour”, “Ariadne 13” u “Nusret 13”.
//= $special ?>