Editorjal

Editorjal: Il-kontroll tan-nefqa tal-Gvern jeħtieġ jibda bl-eżempju

Issa li għaddiet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Ministru tal-Finanzi laqqa’ l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u qal li jrid inaqqas l-iżbilanċ tal-Gvern. Ħaġa tajba, u Edward Scicluna issa m’għandux skużi għax il-quċċija għaddietlu u ma jistax iwaħħal aktar f’ta’ qablu, u lanqas jilgħab biċ-ċifri kif għamel is-sena l-oħra.

Is-servizzi soċjali u s-servizzi tas-saħħa għaż-żbir
Fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Edward Scicluna semma l-oqsma tas-saħħa u tas-servizzi soċjali għaż-żbir; ħaġa li diversi unions ikkritikaw – mhux il-General Workers’ Union, naturalment, imma unions oħrajn li dak li hu jgħiduh dejjem mhux skont min ikun fil-gvern.

Popolazzjoni li żdiedet b’50,000 fuq 20 sena
Kull min jirraġuna jaf li s-settur tas-saħħa aktar investiment għandu bżonn, mhux anqas. Aħna għandna popolazzjoni li qed tikber; fl-aħħar 20 sena, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’50,000 ruħ.

Popolazzjoni akbar u aktar anzjana li tuża aktar is-servizzi tas-saħħa
Aktar importanti minn hekk, din il-popolazzjoni akbar hi wkoll aktar xiħa u l-anzjani huma l-aktar li jużaw is-servizzi tas-saħħa – u hekk se jibqa’, għal ħafna snin li ġejjin. Jiġifieri, lanqas jekk jonfoq imqar daqskemm kien jonfoq il-Gvern qabel fis-saħħa mhu biżżejjed għal li ġej, aħseb u ara jekk inaqqas kif qed jgħid Edward Scicluna.

X’se jagħmlu t-80,000 ruħ foqra?
L-istess is-servizzi soċjali. Il-partit ta’ Edward Scicluna għamel kampanja twila s-snin jgħid li hawn 80,000 ruħ foqra li l-faqar tagħhom fil-fatt jittaffa bis-servizzi soċjali. Il-Ministru tal-Finanzi qed jargumenta li l-foqra jeħtieġ joħorġu jaħdmu.

Gvern li daħħal 3,000 ruħ mal-gvern…
Apparti li ħafna faqar hu fil-fatt marbut ma’ nies li ma jistgħux jaħdmu, anke kieku dan ma kienx hekk, il-Gvern Laburista s’issa kien kapaċi joħloq xogħol mal-gvern fejn f’sena daħħal 3,000 ruħ mal-gvern kif joħroġ miċ-ċifri tal-gvern stess.

…imma ma ħoloqx biżżejjed impjiegi mal-privat
In-nies mal-gvern il-gvern ukoll iħallashom u l-problema li għandu quddiemu l-Ministru tal-Finanzi hi fil-fatt li dan hu Gvern li – f’sitwazzjoni ekonomika tajba fid-dinja – ma kienx kapaċi joħloq biżżejjed impjiegi mal-privat hawn Malta – tant li l-qgħad fl-aħħar sena għola minkejja li daħħal 3,000 ruħ mal-gvern.

Il-Ministru tal-Finanzi jaf kif għandu jibda – bl-eżempju
Flok jagħmel jgħid li se jiżbor is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-Ministru tal-Finanzi jaf minn fejn għandu jibda – mill-kabinett rekord li għandu madwaru li f’ħames snin se jkun sewa 100 miljun ewro aktar, apparti l-ħlasijiet lussużi li qed jaħtfu tal-qalba f’impjiegi u kuntratti mal-gvern, ibda minn nies qrib il-Prim Ministru nnifsu. Minn hemm irid jibda jaqta’ Edward Scicluna, bl-eżempju.