Lokali Saħħa

Godfrey Farrugia għandu jippreżenta Abbozz Privat dwar il-proposta ta’ regolamentazzjoni tal-kannabis għal użu mediku – l-AD

L-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia għandu jieħu azzjoni u jippreżenta Abbozz Privat dwar il-proposta li għamel rigward regolamentazzjoni tal-kannabis għal użu mediku. Sostna dan iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, fi stqarrija wara li l-proposta li għamel Godfrey Farrugia fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa kienet imxejjna mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne.

F’kummenti li ta lil The Times, Chris Fearne qal li l-Gvern ikun lest jikkunsidra biss proposti bħal dik li jintużaw prodotti mediċinali li jkollhom il-kannabis għal skopijiet mediċi jekk issir talba mill-industrija jew minn xi organizzazzjoni professjonali. Fearne qal li, madankollu, m’għandhomx ikunu l-politiċi li jagħmlu talbiet bħal dawn. Dawn il-kummenti xejn ma niżlu tajjeb ma’ Godfrey Farrugia kif ukoll mas-sieħba tiegħu d-Deputata Laburista Marlene Farrugia.

L-eks Ministru tas-Saħħa kkummenta fuq Facebook u ddeskriva l-kumment tas-suċċessur tiegħu fl-istess kariga bħala wieħed mhux xieraq, aktar u aktar meta ġej mingħand kollega professjonist fl-istess qasam. Min-naħa tagħha, Marlene Farrugia kkummentat li hu “totalment stupidu li tgħid li politiċi m’għandhomx joħorgu b’suġġerimenti bħal dawn”. Dan hu eżempju ta’ “arroganza per eċċellenza”, sostniet Farrugia.

Min-naħa tiegħu, Arnold Cassola qal li filwaqt li l-politiċi m’għandhomx jiddeċiedu l-affarijiet mingħajr ma jikkonsultaw mal-esperti, dak li qal Chris Fearne ma jagħmilx sens għax ir-rwol ta’ Membri Parlamentari hu li jipproponu u jikkritikaw. Cassola kompla li s-silenzju tal-backbenchers m’għandux jinxtara billi tpoġġihom fuq bordijiet u awtoritajiet.

L-istqarrija ttemm li Abbozz Privat qed ikun l-uniku mod kif timxi f’Malta, fejn Gvernijiet arroganti jaħsbu li kulħadd għandu jagħmel dak li jridu huma jew xejn.