L-inċertezza fis-swieq finanzjarji waslet biex xi indiċi naqsu fil-valuri matul din il-ġimgħa. L-inkwiet fl-Iraq u n-nuqqas ta’ tama li tinstab soluzzjoni malajr waslet għal dan. Il-prezz taż-żejt jista’ jiġi affetwat jekk il-produzzjoni fl-Iraq tonqos minħabba dan l-inkwiet li wassal għall-mewt ta’ mijiet ta’ nies fi ftit jiem. L-ishma ta’ kumpaniji tal-ajru l-aktar li raw tnaqqis fl-aħħar jiem, segwiti minn kumpaniji tal-kostruzzjoni fl-Ingilterra fejn jidher li se jsir sforz akbar biex jiġi kkontrollat is-self fuq ix-xiri ta’ djar. Għall-kuntrarju, kumpaniji fis-settur tal-enerġija raw żidiet fil-prezz tal-ishma tagħhom.
Wara snin ta’ nuqqas ta’ bejgħ ta’ djar fi Spanja, fl-aħħar xhur is-suq qed jieħu l-ħajja u beda nieżel il-qgħad f’dan il-pajjiż. Jidher li anke l-Greċja bdiet turi progress u dan qed iwassal għal aktar fiduċja biex dawn il-pajjiżi jattiraw investiment barrani. Is-swieq finanzjarji Ġermaniż u Franċiż, li fl-aħħar ġimgħat kienu qabdu ritmu tajjeb, sofrew daqqa lura matul l-aħħar jiem malli beda l-inkwiet fl-Iraq u jidher li se jkompli l-inkwiet fl-Ukrajna.
L-isterlina qegħda fl-aqwa livell li qatt kienet fl-aħħar ħames snin. Bosta huma tal-fehma li wasal iż-żmien li din tibda tiddgħajjef. Analisti finanzjarji stqarrew li l-ekonomija u l-indiċi tas-suq finanzjarju Brażiljan mhux se jaraw xi titjib spettakolari minkejja li dan il-pajjiż nefaq aktar minn $11-il biljun biex jorganizza t-Tazza tad-Dinja. Il-fatt li l-Gvern jintervjeni wisq fis-swieq iwassal biex ikun hem nuqqas ta’ fiduċja mill-investituri.
Waħda mill-aktar muniti li ssaħħet matul din il-ġimgħa kienet id-Dollaru Awstraljan. L-ewro sofra telf kontra bosta muniti oħra, hekk kif fl-aħħar xhur kien laħaq livelli rekord. Iċ-Ċina produċiet 9% aktar f’Mejju 2014 fuq Mejju 2013. Kollox jindika li ċ-Ċina qeda tirkupra wara xhur ta’ diffikultajiet fil-produzzjoni industrijali. Il-munita Ċiniża Yuan ukoll bdiet tirkupra.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel: 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>