Mandy Gauci, ta’ 37 sena, ma nstabitx ħatja mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li f’Ottubru 2008 u qabel, bħala impjegata ta’ Transport Malta, għamlet dikjarazzjoni jew tat ċertifikati foloz. Hi ma nstabitx ħatja li kienet toħroġ liċenzji bl-addoċċ permezz ta’ ġurament għax qabel ma bdew il-każijiet fil-Qorti, lanqas l-istess Gauci ma kienet taf li hi kellha xi tip ta’ warrant jew fakultà li tagħti xi ġurament.
Irriżulta wkoll li minħabba proċedura laxka li kien hemm fi Transport Malta, kien hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn superjuri ta’ Gauci kienu jmorru b’dikjarazzjonijiet lesti mimlija quddiemha, jew quddiem uffiċjal ieħor li seta’ jamministra ġurament, u hi kull ma kellha tagħmel hi li tiffirmaha. Għaldaqstant, kien hemm sitwazzjoni fejn hi ma setgħetx tikkonferma jekk kienx mar l-applikant personalment, jew jekk kienx iffirma din id-dikjarazzjoni hemm, u lanqas ma kienet tagħti l-ġurament kif suppost.
Din kienet prassi li kienet ġiet instagata mis-superjuri tagħhom, li qatt ma spjegawlhom xi jfisser ġurament u l-konsegwenzi ta’ meta jingħata ġurament falz. Għalhekk, Gauci u oħrajn qatt ma setgħu jafu li kienu qed jagħmlu xi ħaġa ħażina. Għalhekk il-Qorti qalet li jekk Gauci kienet qed tagħmel xi ħaġa ħażina, din qatt ma kienet konxja dwar dan. Dan il-każ jikkonsisti f’investigazzjoni min-naħa tal-Pulizija fuq numru ta’ liċenzji tas-sewqan li kienu ħarġu b’mod abbużiv u llegali, anke b’għajnuna ta’ uffiċjali tat-Transport Malta. Il-maġġoranza ta’ dawn l-abbużi, kienu diġà ġew deċiżi mill-istess Qorti.
Mandy Gauci kienet waħda mill-impjegati tal-Awtorità li kienet ġiet mixlija mill-Pulizija għax fuq numru kbir ta’ dikjarazzjonijiet kien hemm il-firma u t-timbru tagħha. Dawn fil-fatt kienu dikjarazzjonijiet bil-ġurament, li l-applikant kien tilef il-liċenzja biex b’hekk tingħatalu liċenzja ġdida. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija u fil-Qorti rriżulta li f’xi każijiet fejn l-uffiċjal tal-Awtorità kien suppost jagħti l-ġurament lill-applikant, li dak il-ħin ikun quddiemu, ma kien isir xejn minn dan għax kien hemm sistema laxka fejn la ġurament ma kien jingħata kif suppost u lanqas kienet issir dikjarazjoni quddiem l-istess uffiċjal.
Kien hemm ukoll konfużjoni ta’ min mill-uffiċjali kellhom is-setgħa li jagħti dawn il-ġuramenti. Xehdu diversi persuni nvoluti f’din l-investigazzjoni, li kienu ġew ikkundannati mill-istess Qorti. Dwar id-dikjarazzjoni tagħhom iffirmata minn Gauci, dawn kollha kkonfermaw li kien hemm xi ħadd li għenhom u li kien ġabilhom xi karta x’jiffirmaw, li x’aktarx kienet il-formola tal-affidavit u li huma kienu jiffirmaw u mbagħad iħallu f’idejn dawk il-persuni li għenuhom u li jieħdu l-formoli lil Transport Malta. Kulħadd xehed li lil Mandy Gauci qatt ma kien raha qabel. Minn dawn ix-xhieda ħareġ ukoll li qatt ma kien hemm xi dell ta’ dubju li din kienet involuta fiċ-ċirku tal-ħlasijiet li kienu jsiru biex jinħarġu l-liċenzji b’mod abbużiv.
Xhud important fil-każ kienet Nadia Bruno Olivier, impjegata ta’ Transport Malta bħala Operations Manager, li wara li tat dettalji tal-istat ta’ xogħol ta’ Gauci, xehdet ukoll rigward proċeduri amministrattivi interni li kienu ttieħdu kontra Gauci, iżda li dwarhom ma nstabitx ħatja. Dawn kienu jikkonċernaw din l-investigazzjoni, mertu ta’ din il-kawża. Fil-Qorti, l-Operations Manager esebiet ukoll id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Dixxiplina, li kien qal b’mod unanimu li s-sistema tal-IT ma tagħtix audit trail ċara, kif ukoll li s-sistema tal-passwords u l-usernames għandha ħafna nuqqasijiet serji, bl-allegazzjonijiet kontra Mandy Gauci ma ġewx ippruvati.
Il-Bord ta’ Dixxiplina kien għalhekk irrakomanda li minnufih, tieqaf is-sospensjoni mill-impjieg u li Gauci terġa’ tkompli fl-impjieg tagħha daqs li kieku ma kien hemm l-ebda waqfa. Dwar dan kien xehed ukoll l-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Angelo Gafa, li qal li fejn wieħed seta’ faċilment jidentifika min jagħmel printout ta’ liċenzji, mhux dejjem seta’ jkun jaf min jagħmel addizjonijiet ta’ kategoriji ta’ liċenzji. Minn din ix-xhieda ħareġ ukoll li mill-investigazzjoni ma kienx ġie stabbilit li Gauci kienet tikteb il-kontenut tad-dikjarazzjoni, iżda x’aktarx hi kienet tirċievi biss id-dikjarazzjoni diġà mimlija u ffirmata, u kemm tagħti t-timbru tagħha u tiffirmaha.
Fil-każ xehed ukoll Stephen Vella, illum pensjonant iżda li kien Manager fuq il-liċenzji, li spjega s-sistema tal-ġuramenti u ħareġ ċar li ma kienx isir ġurament kif trid il-Liġi għax lanqas biss kellhom kurċifiss biex wieħed ibusu. Xehdet ukoll Beatrice Fenech, impjegata tal-Awtrorità, li bħal Mandy Gauci qalet li saret taf li kellha l-warrant biex tagħti l-ġuramenti wara li nqalgħet din il-kwistjoni fil-Qorti. Qalet li qabel, din is-sistema kienet li xi Managers jew impjegati oħra kien ikollhom xi affidavit lest u dawn kienu biss jiffirmawh u jagħtu timbru qabel ma jerġa’ jitkompla biex jiġi pproċessat mill-persuna l-oħra.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ferris, filwaqt li għal Mandy Gauci deher l-Avukat Robert Abela.
//= $special ?>

