Il-Brażil fetaħ l-impenji tiegħu bl-ewwel gowl tat-Tazza tad-Dinja 2014, u kien ikun bidu perfett kif jibdew it-turnament fit-tieni darba bħala organizzaturi. L-isfortuna iżda, kienet li wara 11-il minuta Marcelo skurja fil-lasta tiegħu stess kontra l-Kroazja. Dan kien l-ewwel awto gowl tal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja u l-ħin li wasal fih ħasad il-folla f’Sao Paulo.
Diversi minuti wara parti mill-flood lights tal-Arena Corinthians, li għadu mhux lest, intfew u dan kompla xehed il-mument negattiv tal-Brażil sa dak il-ħin.
Madankollu l-attakkant Brażiljan Neymar, laħaq l-aspettattivi kbar li kien hemm fuqu u dawwar ir-riżultat f’rimonta li wettqu l-Brażil biex ħadu l-ewwel tliet punti f’din l-edizzjoni wara li Oscar għamilhom 3-1.
Il-kowċ tal-Brażil Scolari beda bl-istess 11 li lagħbu fl-aħħar logħba ta’ ħbiberija kontra s-Serbja. Il-Kroati kellhom lil Mario Mandzukic sospiż u minfloku beda Jelavic. Barra minn hekk Sime Vrsaljko beda minflok Danijel Pranjic li kien imweġġa’.
Wara seba’ minuti waslet l-ewwel azzjoni denja meta Perisic tefa’ cross u l-veteran Ivica Olic ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tmur ftit barra.
Il-Kroazja ħasdu lill-Brażil wara 11-il minuta. Olic għamel ħarba tajba man-naħa tax-xellug u tefa’ cross baxx li Jelavic xellef u l-ballun kien imxellef mid-difensur Marcelo li tefa’ fix-xibka tiegħu stess għal 1-0.
Ir-risposta tal-Brażil waslet fid-29 minuta meta Oscar qabeż żewġ plejers u għadda lejn Neymar li kien għadu kemm ġie imwissi minuta qabel u l-attakkant ta’ Barcelona fajjar xutt li spiċċa bl-eżatt fir-rokna tax-xibka. Ironikament l-istess Neymar kien skurja l-ewwel gowl tal-Brażil fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet sena ilu.
Fit-tieni taqsima l-Brażil ippressaw iżjed u fil-71 minuta ingħataw penalty ġeneruż meta Fred deher jaqa` f’kuntatt ma’ Lovren. Deċiżjoni ħarxa. Il-gowlkiper Pletikosa kien għoddu salva x-xutt mill-11-il metru ta’ Neymar imma x-xutt kien b’saħħtu. Għal Neymar dan kien it-33 gowl mal-Brażil, l-istess ammont li skurjaw Ronaldinho u l-leġġendarju Jairzinho u wieħed inqas minn Rivaldo.
Il-Kroati ippruvaw jagħmlu minn kollox imma kienu l-Brażil li sabu x-xibka u għalqu l-logħba fl-aħħar minuti permezz ta’ Oscar li għamel l-iskor final 3-1 b’xutt ieħor fil-baxx.
Il-Brażil, issa, bħala lider ta’ Grupp A se jkun qed ifittex li jikseb tliet punti oħra fis-17 ta’ Ġunju jilgħab kontra l-Messiku.
Għall-kowċ tal-Kroazja, Niko Kovac kienet l-ewwel telfa li sofra mat-tim sa minn meta ħa post Igor Stimac f’Ottubru. Il-Kroati iżda taw wirja ferm pożittiva u jekk juru dan il-logħob fil-jiem li ġejjin għandhom għalfejn jittamaw li jgħaddu għall-fażi li jmiss.
//= $special ?>

