Internazzjonali

L-Istati Uniti fost dawk li qed isegwu b’reqqa dak li qed jiġri fl-Iraq

Il-Kumitat tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti qed isegwi bir-reqqa dak li qed jiġri fl-Iraq u qed iħares lejn il-possibbiltajiet kollha. F’dan l-istadju, xejn mhu eskluż, fosthom anke azzjoni militari. Sostna dan il-President Amerikan Barack Obama f’kummenti mal-ġurnalisti wara laqgħa f’Washington mal-Prim Ministru Awstraljan Tony Abbott fid-dawl tal-attakki mill-militanti Iżlamiċi li ħatfu partijiet kbar tat-tramuntana u ċ-ċentru tal-Iraq.

Obama qal li l-Iraq għandu bżonn għajnuna mill-komunità internazzjonali. Madankollu, ma qagħadx lura milli jikkritika lill-Gvern maghmul minn musulmani Xhiiti talli naqas milli jtaffi d-differenza bejn ix-Xhiiti u l-musulmani Sunni li jgħixu fiż-żoni tal-pajjiż li waqgħu taħt il-kontroll tal-militanti Iżlamiċi. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Iranjan qal li lest jikkopera mal-Istati Uniti biex tinstab tarf tas-sitwazzjoni, filwaqt li l-ogħla mexxej reliġjuż Xiita fl-Iraq ħeġġeġ lin-nies biex jarmaw ruħhom u jiddefendu l-pajjiż mill-militanti ta’ twemmin Sunni.