Futbol Sport

L-Olanda jumiljaw liċ-champions renjanti

SPANJA…………………….1
OLANDA…………………..5

Spanja: Casillas, Azpilicueta, Pique, Ramos, Alba, Busquets, Alonso (Torres 62′), Xavi, Silva (Fabregas 78′), Iniesta, Costa (Rodriguez 62′)
Olanda: Cillessen, Janmaat, Vlaar, de Vrij (Veltman 77′), Martins Indi, Blind, de Jong, de Guzman (Wijnaldum 62′), Sneijder, Robben, van Persie (Lens 79′)

Imwissija: De Guzman, de Vrij, van Persie (O)
Skurjaw: X. Alonso (pen) 27′ (S), Van Persie 44′, 72′, Robben 53′, 80′, de Vrij 64′ (O)
Referee: Nicola Rizzoli (ITA)

L-Olanda pattewha bil-kbira lil Spanja meta umiljaw liċ-Champions renjanti 5-1 f’dik li kienet ripetizzjoni tal-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ erba’ snin ilu mirbuħa minn Spanja u ħolqu l-ewwel sorpriża kbira tat-turnament.

Is-sorpriża ma kinitx ir-rebħa tal-Oranġjo, imma l-mod kif it-tim ta’ Louis Van Gaal irkupra minn gowl minn taħt b’tali mod li litteralment ta lezzjoni ta’ futbol lil Spanja bil-captain Van Persie u Arjen Robben jiskorjaw doppjetta kull wieħed.
Kienet l-agħar telfa għal Spanja f’partita internazzjonali wara 63 sena. L-aħħar telfa kbira kienet fl-1963 meta kienu tilfu 6-2 kontra l-Iskozja.

Fl-ewwel taqsima Spanja dehru ftit aħjar u setgħu skurjaw aktar minn gowl wieħed li wasal minn penalty imma pattew qares taċ-ċansijiet li fallew għax minuta qabel intemmet it-taqsima, Van Persie ġab id-draw. L-istorja kienet differenti wara l-mistrieħ fejn kien hemm tim wieħed u Spanja kienu ineżistenti.

Il-kowċ ta’ Spanja Del Bosque għażel li jibda b’attakkant wieħed u kontra kull mistenni dan kien Diego Costa, il-plejer li fl-aħħar fażi tal-istaġun tilef diversi partiti minħabba injury.

Kienu l-Olanda li ħolqu l-ewwel azzjoni denja meta Sneijder ra x-xutt tiegħu mill-viċin ikun salvat minn Casillas. Ironikament, fis-27 minuta kien propjru Diego Costa li rebaħ penalty meta Stefan de Vrij fiż-żlieq tax-xita baqa’ jitkaxkar fil-kaxxa u messlu saqajh. Mill-11-il metru Xabi ALONSO poġġa lill-holders fil-vantaġġ, anke jekk il-gowlkiper Cillessen kien kważi salva x-xutt tal-plejer ta’ Real Madrid.

Wara dan il-gowl Spanja naqqsu mir-ritmu imma l-Olanda xorta waħda ma ħolqu l-ebda periklu. Anzi fil-41 minuta t-tim ta’ Del Bosque seta’ kabbar l-iskor meta Iniesta għadda ballun lejn David Silva u l-plejer ta’ Man City ipprova jqabbeż minn fuq Cillessen imma dan salva f’corner.
Ta’ dan l-Ispanjoli pattew qares u tliet minuti wara l-Olanda għamlu l-iskor indaqs. Blind tefa’ cross perfett lejn Robin VAN PERSIE li tar minn tulu u b’daqqa ta’ ras mill-aqwa qabbeż fuq Casillas għal skor ta’ 1-1.

L-andament fit-tieni taqsima inbidel kompletament meta wara biss seba’ minuti l-Olanda marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Il-winger ta’ Bayern Munich Arjen ROBBEN, li beda jħarbat id-difiża bil-ġirjiet tipiċi tiegħu, ikkontorlla bl-aqwa mod, evita lil Pique u antiċipa lil Sergio Ramos biex għeleb lil Casillas.

Iċ-Champions dehru mifxula u l-kowċ Spanjol ipprova jbiddel l-andament billi introduċa lil Torres u Pedro. Madankollu reġgħu kienu l-Olandiżi li skorjaw. Fl-64 minuta, minn free kick ta’ Sneijder, Casillas għola ma’ Van Persie imma l-ballun spiċċa għand DE VRIJ li b’xi mod kompla fix-xibka għall-ewwel gowl internazzjinali tiegħu.
Tliet minuti wara Spanja kellhom gowl ta’ Silva mħassar ġustament għal offside.

Kollox kompla ġej ħażin għaċ-Champions u kif fit-72 minuta l-Olanda żiedu ieħor. L-attakkant ta’ Man Utd VAN PERSIE approfitta minn żball kbir tal-gowlkiper Casillas u għamel l-iskor 4-1.
Imma kien fadal aktar u 10 minuti mit-tmiem l-umiljazzjoni għall-Ispanjoli kompliet tikber meta reġa’ kien ROBBEN li skurja l-ħames gowl. Dan ikkontrolla cross, evita lil Casillas u mill-ġdid lil Pique u Ramos qabel spara f’lasta vojta.

Spanja issa jmisshom kontra ċ-Ċile u jridu rebħa biex jirkupraw malajr minn din l-umiljazzjoni. B’din ir-rebħa l-Olanda iddefendew ir-rekord pożittiv li għandhom fl-ewwel logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fejn s’issa rebħu sitt darbiet u ġew draw darbtejn.