L-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino ppreżenta Protest Ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-Konfront tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru Kevin Mahoney dwar l-investigazzjoni ta’ numru ta’ lmenti minn Uffiċjali tal-Forzi Armati.
Il-kwistjoni għandha l-bidu tagħha f’Settembru li għadda meta fl-Armata sar eżerċizzju ta’ promozzjonijiet, li fih diversi Maġġuri kienu promossi għal Logutenenti Kurunelli u wħud minnhom promossi għal Kurunelli ftit tal-ġimgħat wara. Dan wassal biex diversi Uffiċjali tal-Armata lmentaw li nqabżu minn Uffiċjali oħrajn b’ferm anqas esperjenza, seniority u kwalifiki minnhom.
Fil-Protest, l-Ombudsman jgħid li hu beda jinvestiga dawn l-ilmenti kif tipprovdi l-Liġi, izda meta mitlub jipprovdi d-dokumenti relatati mal-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rrifjuta li jagħmel dan u qed jinsisti li l-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni jinvestiga dawn l-ilmenti.
Mal-Protest kienu esibiti wkoll il-korrispondenza bejn l-Ombudsman, l-Armata u l-Ministeru. L-Ombudsman tenna li l-funzjoni tiegħu hi li jkun tarka taċ-ċittadin billi jinvestiga kif jixraq ilmenti ta’ inġustizzja u diskriminazzjoni, filwaqt li jassigura liċ-ċittadini li jħarsilhom id-dritt għal amministrazzjoni tajba u ġusta skont il-Liġijiet tal-pajjiż.
//= $special ?>