Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-annimali m’għandhomx jintużaw għal spettakli, esibizzjonijiet u wirjiet f’ċirkli. Għalhekk, se jkun qed jivvota favur emendi fl-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali ħalli jiġi pprojbit l-użu tal-annimali fiċ-ċirkli u anke jipproponi emendi hu stess biex jiżgura li dan il-prinċipju jiġi mħares fejn il-Liġi mhix ċara fl-intenzjonijiet tagħha. Din il-pożizzjoni ġiet deċiża waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari din il-ġimgħa.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għall-Ħarsien tal-Annimali Michael Gonzi, il-PN qal li jaqbel mal-ħatra ta’ Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu għall-kompożizzjoni tal-Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Kif propost mill-Gvern, dan il-Kunsill se jkun appuntat kollu kemm hu mill-Ministru, inkluż fil-każ tar-rappreżentanti tal-NGOs. Dan ifisser li l-Kunsill għat-Trattament Xieraq tal-Annimali se jkun nieqes mill-awtonomija meħtieġa.
Il-PN qal li aspett ieħor importanti dwar l-emendi mressqin għall-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali hu li jiżdiedu l-pieni kontra kull min jinqabad jaħqar lill-annimali. Il-PN jaqbel li dawn il-pieni għandhom jiżdiedu u saħansitra jemmen li min jinqabad jaħqar l-annimali għandu jiġi pprojbit milli jerġa’ jrabbi l-annimali.
//= $special ?>