Futbol Sport

Rebħa minima għall-Messiku

MESSIKU……………………..1
CAMEROON………………..0

Messiku – Rodriguez, Marquez, Moreno, Layun, Aguilar, Guardado (Fabian 69′), Herrera (Salcido 90′), Vazquez, Dos Santos, Peralta (Hernandez 73′)
Cameroon – Assou-Ekotto, Nkoulou, Mbia, Chedjou, Djeugoue (Nounkeu 46′), Enoh Song (Webo 79′), Moukandjo, Choupo Moting, Eto’o

ImwissijaĠ Moreno (M), Nounkeu (C)
SkurjawĠ Oribe Peralta 61′ (M)
RefereeĠ Wilmar Roldan (KOL)

Il-Messiku beda l-impenji tiegħu fit-Tazza tad-Dinja b’rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Cameroon.
Għal darba oħra, bħal ma seħħ fl-ewwel logħba tal-bieraħ, reġa’ kien hemm deċiżjonijiet ferm kontroversjali. Il-Messikani kienu sabu x-xibka permezz ta’ Dos Santos wara biss 12-il minuta imma r-referee Wilmar Roldan ħassar il-gowl għax skont hu l-plejer ta’ Villarreal kien f’pożizzjoni ta’ offside. ħames minuri wara kienu l-Afrikani li skurjaw u għa darba oħra l-gowl ġie imħassar għal offside, iżda din id-darba d-deċiżjoni ta’ Roldan kienet waħda ġusta.

It-tim ta’ Volker Finke kien sfortunat meta l-attakkant Samuel Eto’o laqat il-lasta wara li irċieva ballun tajjeb mingħand Assou-Ekotto. Dan kien l-akbar ċans ta’ skor li kellhom il-Cameroon fl-ewwel taqsima u minn hawn ‘il quddiem kienu l-Messiku ħadu f’idejhom il-kontroll tal-logħba. Fid-29 minuta dawn reġa’ kellhom gowl imħassar għal offisde. Minn azzjoni ta’ corner, il-ballun ġie devjat minn difensur tal-Cameroon u spiċċa f’saqajn Dos Santos li mill-viċin ma żbaljax. Il-gowl tħassar għal offside għax jidher li r-referee ħaseb li kien player tal-Messiku li għadda l-ballun lejn Dos Santos.

Mas-siegħa logħob it-tim ta’ Herrera mar fil-vantaġġ meta Oribe PERALTA skurja minn rebound wara li l-goalkeeper avversarju Itandje kien salva xutt ta’ Dos Santos.

Wara dan il-gowl il-messiku iddefendew tajjeb u fl-aħħar minuta Hernandez seta’ għamel l-iskor 2-0 imma għamel l-impossibbli u falla minn quddiem il-goalkeeper avversarju.

Wieħed irid jgħid li minkejja li l-Cameroon tilfu l-logħba żgur li ma kellhomx logħba negattiva. B’din ir-rebħa l-Messiku ingħaqad mal-Brażil bħala lider ta’ Grupp A iżda l-Brażiljani għandhom differenza ta’ gowls aħjar. B’hekk, il-logħba tas-17 ta’ Ġunju bejn il-Brażil u l-Messiku se tkun konfront dirett u min jirbaħ ikun f’qagħda tajba li jirbaħ il-grupp. Il-Cameroon imissu jilgħab kontra l-Kroazja.

Din kienet it-tieni darba li dawn iż-żewġ pajjiżi lagħbu kontra xulxin u fl-ewwel konfront, li kienet logħba ta’ ħbiberija li intlagħbet fl-1993 il-Messikani kienu rebħu 1-0.