Lokali

Tibda l-isfida unika ta’ Nathan Farrugia “Ultra Med Challenge”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Nathan Farrugia se jipprova jikser rekord dinji billi daħal għal sfida unika: “Ultra Med Challenge”. Minn kmieni dalgħodu, Farrugia beda l-isfida minn Korsika bil-għan li jinżel għall-gżira ta’ Sardenja. L-għan ewlieni tal-isfida hu li jinġabru l-fondi għall-Fondazzjoni Inspire.

Nathan Farrugia se jkun qed jagħmel din l-isfida bl-għajnuna ta’ diversi ħbieb u se jkun qed iwettaq dan l-attentat f’temp ta’ tlett ijiem b’waqfiet biss ta’ 45 minuta bejn dixxiplina sportiva u oħra. L-avventura tikkonsisti f’ġirja ta’ 210km tul il-gżira ta’ Korsika, segwita minn għawma ta’ 15km tul il-Bonifacio Straits sa Sardinja u qadfa fuq ir-rota fuq rotta twila 450km tul il-kosta fil-lvant ta’ Sardinja san-nofsinhar tal-gżira.

Din il-ġimgħa, Nathan Farrugia kellu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u anke mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fejn spjega l-isfida li kien se jagħmel fi tmiem din il-ġimgħa.