L-infermiera Maria Bondin, ta’ 57 sena minn Raħal Ġdid, u David Sant, ta’ 30 sena mill-Għargħur, kif ukoll Carol Bonnici, ta’ 55 sena mis-Siġġiewi li hu nursing aid, kienu mixlijin quddiem il-Maġistrat Anthony Vella bil-qtil involontarju ta’ pazjent li kien jbati bid-dimensja u li spiċċa miet meta faga’ f’biċċa tiġieġa. Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Marzu 2012 bejn il-11am u s-1pm fl-Isptar Karen Grech.
Iż-żewġt irġiel u l-mara, li hi Chief Nurse, ġew mixlijin li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi trakuraġni jew b’nuqqas fil-professjoni tagħhom ikkaġunaw il-mewt ta’ John Darmanin, li kellu 64 sena. L-akkużati, li tressqu b’ċitazzjoni, inqratilhom l-akkuża mill-Ispettur Geoffrey Azzopardi. F’Diċembru 2013 il-mara tal-vittma kienet ippreżenntat Ittra Uffiċjali Ġudizzjarja fil-Qorti dwar dan il-każ. Hi kienet qalet li minħabba l-kundizzjoni tad-dimensja li kien ibati minnha, żewġha kellu jkun taħt osservazzjoni kontinwa. Hu kien instab mejjet fit-toilet madwar 90 minuta wara li kienet bdiet it-tfittxija tiegħu għax ma baqax fil-kamra.
Il-mara tiegħu, Eileen Darmanin, qed iżżomm lill-Isptar responsabbli għall-mewt ta’ żewġha, wara li l-ħaddiema tal-Isptar kellhom struzzjonijiet biex ma jagħtuhx ikel solidu. Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Geoffrey Azzopardi kkonferma d-data u l-ħin tal-mewt, kif ukoll li l-vittma kien fuq dieta stretta ta’ fluwidi u ikel ħafif wara li kien sofra minn puplesija. Dan kollu kien speċifikat ukoll fuq iċ-chart li kellu mwaħħla mas-sodda, b’ordnijiet stretti biex ikun taħt superviżjoni u assistit waqt li jkun qed jiekol. Ix-xhud qal li hu ovvju li dakinhar tal-inċident il-vittma ngħata ikel solidu.
Meta saret l-awtopsja, ġie kkonfermat li John Darmanin faga f’biċċa tiġieġa, meta suppost kien qed jiekol u jixrob affarijiet ħfief. Qal li dakinhar u fil-ħin tal-inċident, lanqas biss kellu superviżjoni.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Stephen Tonna Lowell, Lucio Sciriha u Chris Scicluna, filwaqt li l-Avukat Stefano Filleti qed jidher għall-familja tal-vittma. Il-każ ikompli fl-10 ta’ Lulju li ġej.
//= $special ?>

