Goal u assist ta’ Alexis Sanchez għamlu eħfef għaċ-Ċile biex jieħdu t-tliet punti minn fuq l-Awstraljani fl-ewwel logħba bejniethom minn Grupp B. Kien fit-12-il minuta li ċ-Ċilen skorja mill-viċin qabel ma fl-14-il minuta għadda l-ballun lil Jorge Valdiva biex jagħmilhom 2-0.
Iżda 10 minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, l-Awstraljani dehru li jistgħu jidħlu lura fil-logħba wara li Tim Cahill approfitta bir-ras minn cross ta’ Ivan Franjic. Dan il-goal wassal għal tieni taqsima aktar emozzjonanti, biż-żewġ timijiet jagħmlu l-mertu kollu tagħhom biex jieħdu dak kollu possibbli mil-logħba.
Biż-żewġ timijiet jafu li għandhom żewġ avversarji oħra diffiċli, kemm iċ-Ċile kif ukoll l-Awstralja ppruvaw jevitaw li jitilfu punti minn din il-logħba. Madankollu, iċ-Ċileni għalqu l-logħba u ssiġillaw it-tliet punti meta fil-ħin miżjud wara d-90 minuta kisbu t-tielet goal. Fil-fatt, kien xutt mill-bogħod minn Jean Beausejour li għamilhom 3-1.
//= $special ?>

