KOLOMBJA……………3
GREĊJA………………….0
Kolombja: Ospina, Armero (Arias 74′), Zapata, Yepes, Zuniga, Sanchez, Abel (Mejia 64′), Cuadrado, James Rodriguez, Ibarbo, Teofilo Gutierrez (Martinez 76′)
Greċja: Kamezis, Manolas, Torosidis, Papastathopolous, Holebas, Maniatis, Kone (Karagounis 78′), Katsouranis, Salpingidis (Fetfatzidis 57′), Gekas (Mitroglou 64′), Samaras
Imwissija: Sanchez (K), Papastathopoulos, Salpingidis (G)
Skurjaw: Armero 5′, Gutierrez 58′, Rodriguez 91′ (K)
Referee: Mark Geiger (Stati Uniti)
Il-Kolombja kisbu l-ewwel rebħa f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja hekk kif għelbu lill-Greċja 3-0 f’logħba fejn il-Griegi ma tantx impressjonaw. Il-Kolombja kellhom lill-midfielder Fredy Guarin sospiż filwaqt li l-attakkant Falcao, li hu imweġġa’ u mhux se jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja, kien qed jassisti għal din il-logħba. Minkejja li kellhom lil dawn il-plejers neqsin, it-tim mill-Amerika t’Isfel qatt ma kien f’diffikulta`. Wara biss ħames minuti l-Kolombjani marru fil-vantaġġ hekk kif Juan Cuadrado għamel ħarba fuq in-naħa tal-lemin u tefa’ pass fil-baxx li sab lil ARMERO u l-plejer ta’ West Ham Utd ma żbaljax biex għamel l-iskor 1-0. Dan il-gowl fixkel lill-Griegi li dehru bla idea u li kellhom jistennew sat-28 minuta biex ħolqu l-ewwel periklu. Dan wasal meta Salpingidis qabeż avversarju, għadda ballun lejn Kone imma dan tal-aħħar ra x-xutt tiegħu imur ferm għoli.
Il-veloċita` tal-plejers Kolombjani bdiet tagħmel ħafna ħsara lill-Griegi u ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Teofilo Gutierrez kellu ċans kbir imma dan kien wisq ġeneruż meta minflok ipprova x-xutt qassam lejn sieħbu u ra l-pass ikun ikklirjat minn difensur.
L-aħjar ċans tal-Greċja fl-ewwel taqsima wasal eżatt sekondi qabel ma saffar ir-referee Mark Geiger meta Panagiotis Kone fajjar xutt li kien salvat b’mod stupend minn David Ospina.
Ta min isemmi li hekk kif bdiet it-tieni taqsima kien hemm mument fejn spikka l-fair play. Dan meta Georgios Samaras waqa` fil-kaxxa u immedjatament dar lejn ir-referee u indikalu li ma kienx penalty.
Mas-siegħa logħob il-Kolombja għamluhom tnejn. Aguilar beda azzjoni hekk kif għadda l-ballun lejn Rodriguez u l-plejer ta’ Monaco qassam lejn GUTIERREZ li kull ma kellu hu li jmattar saqajh u jpoġġi l-ballun fif-xibka.
Erba’ minuti wara l-Griegi kienu ferm sfortunati li ma naqqsux id-distakk. Torosidis tefa’ cross fil-kaxxa u Gekas tar minn tulu iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda. Hekk kif kollox deher li l-Kolombjani kienu se jirbħu 2-0, RODRIGUEZ issiġilla r-rebħa tat-tim ta’ Pekerman.
Il-logħba li jmisshom il-Kolombja hi dik tad-19 ta’ Ġunju kontra l-Ivory Coast filwaqt li l-Griegi jridu jwettqu reazzjoni meta jilagħbu kontra l-ġappun fl-istess jum.
//= $special ?>

