Lokali

Stennija għal-logħba Ingilterra vs Italja

Minkejja li issa qegħdin biss fit-tielet jum tat-Tazza tad-Dinja l-entużjażmu tal-Maltin diġa huwa kbir għal din il-logħba iżda d-deni jkompli tiela’ l-lejla meta se ssir il-logħba tant mistennija bejn l-Ingilterra u l-Italja.

Il-logħba se tkun qed tintlagħab f’nofsilejl ħin lokali. Minkejja l-ħin kemxejn antipatiku żġur li ħafna se jkunu qed isegwu din il-logħba b’uħud minnhom jagħzlu li jsegwuha mid-dar. Oħrajn jagħzlu li jsegwuha fuq xi wieħed mill-big screens li ġew armati f’numru ta’ postijiet madwar Malta għal din il-festa tal-futbol tant mistennija.

Il-logħba tal-lejla ġġib fi tmiemha stennija ta’ 24 sena. Huwa daqshekk li l-Italja u l-Ingilterra ilhom ma jiltaqgħu f’logħba tal-futbol tat-Tazza tad-Dinja. Dakinhar l-Italja kienet għelbet lill-Ingilterra.

L-Italja kienet rebħet ukoll il-logħba kontra l-Ingilterra fil-kwarti tal-finali tal-Euro 2012. Fil-fatt, skont l-aħħar spekulazzjonijiet qed jingħad li għal din il-logħba l-Ingilterra trid tpatti għat-telfa li kellha kontra l-Italja fil-Euro 2012.

Ta’ min jgħid li skont il-fekruna li issa saret magħrufa għall-pronostiċi tagħha qabel il-Logħob tat-tazza tad-Dinja l-Ingilterra se tkun ir-rebbieħa. Mhux tal-istess fehma Nico l-Pappagal li din id-darba għazel lill-Azzurri.