Lokali

Spettaklu fit-tempji ta’ Ħaġar Qim

Fl-20 u l-21 ta’ Ġunju f’Ħagar Qim se jittella’ l-ispettaklu “Pan The Goat God” organizzat mill-Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, anniversarju li se jiġi ċelebrat din is-sena.

F’kummenti lil MaltaRightNow.com, Charles Stroud, li jmexxi l-Kumitat 50 Sena Nazzjon, kumitat li waqqaf il-Partit Nazzjonalista biex jieħu ħsieb l-attivitajiet bi thejjija għall-ħamsin Sena tal-Indipendenza ta’ Malta.

Huwa qal li biex jitfakkar dan l-avveniment kien hemm bżonn ta’ xi ħaġa mhux tas-soltu u għalhekk intgħażel is-sit tat-tempji ta’ Ħaġar Qim, li huwa post uniku fid-dinja kemm minħabba ż-żmien li fih inbena u l-mod kif dan nbena, kif ukoll minħabba il-protezzjoni li ngħata b’fondi Ewropej biex tgħatta dan it-tempju.

Charles Stroud fakkar ukoll li fil-jiem tar-rappreżentazzjoni, se jkun żmien is-solistizju tas-Sajf, l-itwal ġurnata tas-sena u dan kien parti mill-kalendarju tan-nies li bnew dan it-tempju. L-20 ta’ Ġunju hu wkoll jum il-mużika u għalhekk dan il-kumitat ħass li Ruben Zahra hu l-persuna ideali biex jidhol għal din il-biċċa xogħol bħala kompożitur u direttur mużikali u artistiku.

Ruben Zahra tenna li dan il-proġett qed jiġi ppreżentat f’kuntest ġdid u se jkun ta’ pjaċir għall-udjenza għax se jiġi rappreżentat fis-sit ideali. Fil-fatt, se tkun qed tiġi offruta esperjenza totalment ġdida lill-pubbliku li se jara dan it-tempju jiġi trasformat propju għal din il-performance.

Il-kompożizzjoni ta’ Zahra hi miktuba għal flawt, vjolin u pjanu u dawn huma l-istrumenti li se jagħtuna mhux biss dan ix-xogħol iżda wkoll siltiet oħrajn li jżewqu s-serata memorabbli f’Ħagar Qim. Il-mużiċisti li se jinterpretaw dan ix-xogħol huma l-flawtista Taljana Federica Lotti, il-vjolinista Nadine Galea u l-pjanista Tricia Dawn Williams. Arlette Mangion se tkun iz-zeffiena, waqt li din il-bicca xoghol tinvolvi wkoll il-parteċipazzjoni tal-attur Adrian Azzopardi li se jinterpreta l-karattru ta’ Pan.

Ix-xogħol huwa mqassam f’sitt xeni u f’kull xena se naraw dimensjoni differenti ta’ dan il-karattru. ‘PAN the Goat-God’ huwa mżewwaq ukoll b’video-art tal-artist Austin Camilleri li permezz tal-filmati joħloq karattri virtwali fin-narrattiva ta’ Pan. In-Narratur se jkun Manuel Cauchi.

Din hi l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet li l-Kumitat 50 Sena Nazzjon qed iħejji b’rabta mal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu manifestazzjoni kulturali u jinkludu attivitajiet politiċi u divertiment, kif ukoll numru ta’ publikazzjonijiet godda.

Biljetti għas-serata li se tittella’ fl-20 u l-21 ta’ Ġunju f’Ħagar Qim qed jinbiegħu mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’tal-Pietà.