ŻVIZZERA ………………….. 2
EKWADOR …………………. 1
Żvizzera> D. Benaglio, S. Lichtsteiner, J. Djourou, S. Von Bergen, R. Rodriguez, V. Behrami, G. Inler, X. Shaqiri, G. Xhaka, V. Stocker (A. Mehmedi 46′), J. Drmic (H. Seferovic 75′).
Ekwador> A. Dominguez, J. Paredes, J. Guagua, F. Erazo, W. Ayovi, A. Valencia, C. Gruezo, C. Noboa, J. Montero (J. Rojas 77′), E. Valencia, F. Caicedo (M. Arroyo 70′).
Imwissija> J. Djourou (Ż), J. Paredes (E)
Skorjaw> Valencia 22′ (E), Mehmedi 48′ (Ż), Seferovic 93′ (Ż)
Referee> Ravshan Irmatov (Użbekistan)
GRUPP E
Rebħa drammatika għall-Iżvizzera
L-Iżvizzera kisbet rebħa drammatika fl-ewwel logħba minn Grupp E meta prattikament bl-aħħar xutt tal-logħba għelbu l-isfida ta’ Ekwador li kienu marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima. Determinanti kienu l-bidliet ta’ Hitzfeld biż-żewġ sostituti jiskorjaw il-gowls tal-Iżvizzera.
Ir-riżultat hu wieħed kiefer ma’ Ekwador mhux biss għal mod kif waslet it-telfa fl-aħħar sekondi tal-logħba iżda wkoll għaliex Ekwador għal ħin twil qasmu l-logħob mal-avversarji u riżultat ta’ dro kien ikun wieħed iktar ġust.
It-tibdil li għamel il-kowċ Żvizzeru Ottmar Hitzfeld ħallew il-frott tagħhom. Ennar Valencia fetaħ l-iskor għal Ekwador wara 22 minuta biex skorja l-ħames gowl tiegħu fl-aħħar ħames logħbiet ma’ Ekwador.
Iżda kif bdiet it-tieni taqsima is-sostitut Admir Mehmedi kiseb il-gowl tad-draw wara li kien daħal fil-bidu tat-tieni taqsima. Dawn iż-żewġ gowls waslu minn żewġ set pieces bid-difiżi juru nuqqas ta’ attenzjoni fiż-żewġ azzjonijiet.
Fil-ħin miżjud it-tieni sostitut ta’ Ottmar Hitzfeld Haris Sefarovic ta’ Real Sociedad skorja l-gowl tar-rebħa wara li sfrutta kross fil-baxx ta’ Ricardo Rodriguez wara azzjoni mill-isbaħ ta’ kontrattak.
Ekwador bdew tajjeb u kienu l-ħin kollu fuq l-attakk bl-Iżvizzeri jkollhom jiddefend. Iżda l-Iżvizzeri bdew isibu saqajhom wara bidu iebes u kellhom tentattivi tajba ta’ Drmic, Xhaka u Shaqiri.
Kien kif l-Iżvizzeri bdew jilagħbu aħjar li Ekwador marru fil-vantaġġ kważi kontra x-xejra tal-logħob meta minn freekick ta’ Walter Ayovi kien Valencia li skorja b’daqqa ta’ ras.
Il-gowlkiper ta’ Ekwador Dominguez salva tajjeb fuq xutt ta’ Valon Behrami wara korner ta’ Shaqiri u Dominguez salva għal darb’oħra fuq xutt ta’ Gokhan Inler. Ekwador setgħu kabbru l-iskor żewġ minuti qabel l-intervall meta Djorou ċaħħad lil Montero b’tackle perfett qabel dan seta’ jixxuttja.
Fl-intervall Hitzfeld daħħal lil Mehmedi u dan mill-ewwel ħalla l-frott mixtieq meta l-attakkant ta’ Freiburg skorja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner bid-difiża ta’ Ekwador wieqfa.
Il-logħba kienet ferm akkanita fil-kumplament tat-tieni taqsima bil-ballun tiela u nieżel u biż-żewġ naħat joħolqu għadd ta’ ċansijiet ta’ skor. Fl-aħħar sekondi meta l-logħba dehret derstinata għal dro kien Arroy li falla ċans tajjeb għal Ekwador fejn kien imwaqqaf minn Behrami li beda l-azzjoni ta’ kontrattakk veloċi bil-kross mix-xellug ta’ Rodriguez isib lil Sefarovic li spara fix-xibka minn quddiem il-lasta.
//= $special ?>