Il-Parlament din il-ġimgħa approva b’mod unanimu liġi li tirregola l-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ jew kif isibuhom xi whud ‘youth workers’. Din il-liġi li giet imfassla fil-leġiżlatura preċedenti u għalhekk hija mibnija fuq kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Dan li hu eżempju iehor tal-pożittivita’ tal-Oppożizzjoni, li mhux biss ivvutat favur din il-ligi iżda ressqet numru ta’ emendi li ġew approvati mill-Gvern.
Fost il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport, Robert Cutajar, kien hemm dik li l-kompożizzjoni tal-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ flok tkun komposta minn seba’ membri nominati mill-Gvern, kif propost oriġinarjament, ikun komposta minn 4 membri nominati mill-Ministru u tlett membri maħtura minn għaqdiet non-governattivi li jinvolvu liż-żgħażagħ, xi ħaġa li nbidlet mill-istadju tat-tieni qari għall-istadju tat-tielet qari ta’ dan l-abboz ta’ ligi.
Interessanti kien il-fatt li l-gvern ressaq emenda biex il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li jinkludi aktar minn tletin għaqda taż-żgħażagħ fi ħdanu, ma’ jkunx fost l-għaqdiet non-governattivi li jpoġġu fuq il-bord, emenda li l-Oppożizzjoni, saħqet li għandha tiġi eliminata sabiex b’hekk il-KNZ jiġi integrat b’mod sħiħ f’dan il-bord.
Hawnhekk ukoll, il-pressjoni li għamlet l-Oppożizzjoni wasslet biex il-Gvern ibiddel l-abboz ta’ liġi biex il-KNZ ikun rappreżentant fuq dan il-bord.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija saħaq li jemmen li r-rikonoxximent tal-professjoni tax-xogħol maż-żgħażagħ hu pass iehor importanti ‘l quddiem biex ix-xogħol relatat mal-iżvilupp taż-żgħażagħ jiġi professjonalizzat u speċjalizzat. Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal ukoll li jemmen li ż-żgħażagħ għandhom ikunu parteċipi u mhux spettaturi fil-mixja politika ta’ pajjiżna.
//= $special ?>