Minkejja li hemm ħafna dubji u mistoqsijiet marbutin mal-kafetterija jew ristorant fit-Terminal taċ-Ċirkewwa, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jibqa’ jagħti tweġibiet xotti dwar dan il-proġett.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, f’Mistoqsija Parlamentari kien qal li jinsab infurmat li l-proċess biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa beda billi ħarġet sejħa għall-offerti fl-20 ta’ Settembru 2013, bid-data ta’ l-egħluq tat-18 ta’ Ottubru 2013.
L-offerti ġew ipproċessati u kumpanija intgħażlet wara l-proċess tal-għażla.
Għaldaqstant, id-deputat Nazzjonalista f’mistoqsija parlamentari staqsa lill-Ministru Anton Refalo jekk il-Ministru, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9341, jistax iwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija, jiġifieri, kemm kien il-valur tal-offerti sottomessi u liema offerta ġiet magħżula biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa.
Barra minn hekk, Said staqsa wkoll lill-Ministru biex jgħid min kienu l-offerenti u min intgħażel.
Iżda l-Ministru Refalo ma weġibx il-mistoqsijiet li sarulu u qal biss li m’hemm xejn x’iżid mat-twegiba li ta ftit taż-żmien qabel għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti.
Fil-Mistoqsija Parlamentari 9341, Chris Said kien staqsa lill-Ministru Refalo fiex wasal il-proċess biex tingħata l-konċessjoni ta’ ristorant jew kafetterija fit-Terminal taċ-Ċirkewwa, xi proċess sar s’issa u kemm intefgħu offerti u anke kemm kien il-valur tal-offerti u liema waħda ġiet magħżula.
Il-Ministru kien qal li l-offerti ġew ipproċessati u kumpanija intgħażlet wara l-proċess tal-għażla iżda ma tax iktar dettalji dwar din il-kumpanija li ntagħżlet.
B’hekk Refalo għal darba darbtejn reġa’ baqa’ ma tax risposta konkreta dwar dan.
//= $special ?>