Lokali

Rebħa għal Kosta tal-Avorju

Żewġ gols f’żewġ minuti wasslu biex il-Kosta tal-Avorju biddlet telfa f’rebħa kontra l-Ġappun fl-Arena Pernambuco f’Recife.

Kienu il-Ġappun li marru fil-vantaġġ fis-16 -il minuta b’gol ta’ Keisuke Honda. Minkejja dan, żewġ gols fit-tieni taqsima minn Bony u Gervinho fl-64 u fis-66 minuta rispettivament wasslu għal-Kosta tal-Avorju biex iddawwar ir-riżultat. B’hekk, il-Kosta tal-Avorju telgħet f’ras il-klassifika ta’ Grupp C flimkien mal-Kolombja qabel ma’ dawn iż-żewġ timijiet jiltaqgħu kontra xulxin nhar il-Ħamis li ġej.

L-akbar sorpriża ta’ din il-partita waslet meta tħabbru l-formazzjonijiet, meta ħareġ li il-kowċ tal-Kosta tal-Avorju Sabri Lamouchi ħalla lil Didier Drogba fuq il-bank tas-sostituti.  Fil-fatt, kien biss wara li daħal jilgħab Drogba li il-Kosta tal-Avorju irnexxilha taqleb ir-riżultat wara li fl-ewwel taqsima batiet minħabba il-logħob veloċi tal-Ġappun.

Il-Kosta tal-Avorju setgħet iżżid ukoll ma’ dan il-vantaġġ wara li l-istess Drogba tilef żewġ okkażjonijiet tajbin lejn tmiem il-partita.

Ta’ min jgħid li il-Kosta tal-Avorju qatt ma’ rnexxilha taqbeż il-fażi tal-gruppi fit-Tazza tad-Dinja.