Tkompli tevolvi s-sitwazzjoni fl-Iraq hekk kif il-forzi tal-Gvern Iraqin, mgħejuna minn milizzji Shiti u Kurdi rnexxielhom iwaqqfu l-avvanza tal-militanti Sunni lejn Baghdad.
Il-forzi tal-Gvern fl-aħħar sigħat irnexxielom jakkwistaw lura l-kontroll ta’ numru ta’ bliet li kienu nħatfu mir-ribelli, fejn fost l-oħrajn instabu l-iġsma ta’ 12-il pulizija maħruqa.
B’rabta ma’ din is-sitwazzjoni nbagħat ukoll aircraft carrier Amerikan fil-Golf tal-Iraq filwaqt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry wissa’ li s-suċċess kontra r-ribelli jista’ jinkiseb biss jekk il-mexxejja Iraqini jirnexxielhom iwarrbu d-differenzi ta’ bejniethom.
Minn naħa tiegħu l-eks Prim Ministru Ingliż Tony Blair f’kummenti lill-BBC qal li “l-invazjoni tal-Iraq fl-2003 mhix il-ħtija tas-sitwazzjoni vjolenti li qed tiżviluppa f’dan il-pajjiż.”
Blair qal ukoll li anke li kieku Saddam Hussein ma tneħħiex mill-poter fl-2003, il-pajjiż xorta kien jgħaddi minn problemi kbar. Hu ddeskriva s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda reġjonali li taffetta lil ħafna u qal li wieħed ikun qed iqarraq bih innifsu jekk jaħseb li pajjiżi oħra jistgħu jaħslu jdejhom u ma jaġixxux.
//= $special ?>

