Is-sentenza fil-konfront tal-Għawdxi Paschalino Cefai, li b’sitt voti kontra tlieta ma nstabx ħati ta’ attentat ta’ qtil iżda ħati li kkaġuna feriti gravi fuq Joseph Portelli meta aggredih b’mus f’Awla fil-Qorti ta’ Għawdex fis-6 ta’ Ġunju 2012 se tingħata l-Erbgħa li ġej. Id-Difiża tellgħet jixhed lill-psikjatra Anton Grech, li qal li kien ra lil Cefai kif kien għaddej minn dipressjoni u li kitiblu xi pilloli. Grech tenna li dan għamel xi żmien taħt il-kura tiegħu u kien għaddej minn xi problemi.
Id-Difiża tellgħet ukoll tixhed lil Tereża Cefai, omm Pasqualino, li qalet li Portelli tħallas mingħand binha €12,000 u li baqa’ biss x’jitħallsu €666.
Min-naħa tal-Prosekuzzjoni l-Avukat Lara Lanfranco, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalet li l-ħlas tad-dejn f’din il-kawża hu rrelevanti. Qalet ukoll li jekk persuna suppost qed tieħu mediċina u ma toħodhiex, ma tkunx ġustifikata jekk twettaq reat. Qalet li f’dan il-każ il-vittma qala’ 14-il daqqa ta’ mus, f’dak li ddeskriviet bħala aggressjoni ħarxa li setgħet wasslet għall-mewt. Qalet ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li Cefai kien ħebb għal Portelli, hekk kif kellu każ simili fl-2002. Lanfranco qalet ukoll li Cefai għandu kondotta “kkulurita” u talbet għall-piena massima.
L-Avukat ta’ Cefai, Edward Gatt, li fil-ġuri kien mgħejjun mill-Avukat Mark Vassallo, wieġeb billi qal li l-klijent tiegħu kien bniedem marid. Qal li fost l-akkużi li tressaq bihom kien hemm ukoll dik li sar reċidiv. Madankollu, l-Avukat Gatt talab lill-Imħallef Michael Mallia biex Cefai ma jeħilx is-somma tal-pleġġ, hekk kif dan ikun ifisser piż akbar fuq il-familja tiegħu.
Wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni b’mod kumplessiv, il-Ġimgħa li għadda l-ġurati sabu lil Cefai mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli, iżda sabuh ħati li kkawżalu feriti gravi. Cefai lanqas ma nstab ħati li kkawża feriti gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, iżda sabuh ħati li kkawżalu feriti ħfief. Cefai, li għandu 34 sena u hu miż-Żebbuġ Għawdex, instab ħati wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuq Marixxal tal-Qorti u ħati wkoll li uża arma mingħajr ebda għan u li kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>