Raġel mixli li b’sewqan perikoluż u traskurat fejn ukoll weġġa’ persuna, kellu l-akkużi kontrih preskritti wara li Maġistrat laqgħet it-talba tal-avukat tiegħu li l-akkużi kellhom jaqgħu għax is-smiegħ dam ma beda.
Daniel Victor Bonnici ta’ 36 sena kien ġie mixli li fit-23 ta’ Awwissu 1998, għall-ħabta tas-6.30 p.m. f’Ħ’Attard, saq ‘motorbike’ b’mod perikoluż u kkaġuna ġrieħi gravi lil Alan Caruana u ħsara f’arblu tal-Enemalta.
Waqt li ċ-ċitazzjoni ħarġet fit-13 ta’ Lulju tas-sena 2000 u s-smiegħ tal-każ kellu jinstema fit-28 ta’ Lulju tal-istess sena, il-każ ġie differit għas-7 ta’ Novembru 2000.
L-Avukat Stephen Tonna Lowell talab lill-Maġistrat Miriam Hayman biex tiddikjara l-każ bħala wieħed null u mingħajr effett minħabba ż-żmien li għadda minn fuq l-akkużi.
Il-Maġistrat Hayman laqgħet it-talba tiegħu u ddikjarat il-każ bħala wieħed eżawrit. Dan ifisser li l-akkużi fil-konfront ta’ Bonnici issa waqgħu u spiċċaw bla effett.
//= $special ?>
