Għawdex Lokali

Dwar il-kampus ġdid tal-MCAST f’Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex ma ġiex konsultat

Il-kaos li nqala’ f’Għawdex wara d-deċiżjoni li ħa l-Gvern, ħabta u sabta, u bla konsultazzjoni ta’ xejn, li jittrasforma l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem f’kampus ġdid tal-MCAST hu rizultat tad-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat, eżatt wara l-elezzjoni ġenerali, li jneħħi l-edukazzjoni f’Għawdex minn taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għal Għawdex.

Bosta għalliema kemm tal-Iskola tal-Arti, kif ukoll tal-MCAST stess, li saħanistra ftit qabel kienu ġew imwegħda ħaġa oħra, esprimew dan il-fatt ma’ dan is-sit. Xi ħaġa, sostnew l-għalliema, li kienu qed jobsru li se tiġri, għaliex deċiżjonijiet dwar Għawdex ma jistghux jittieħdu minn Malta, fi kliem ieħor minn min mhux qrib tal-Għawdxin.

L-iskola tal-arti f’Għajnsielem, bħall-iskejjel tal-mużika u d-drama, kienu twaqqfu u dejjem tħaddmu mill-Ministeru għal Għawdex. Iżda minn din il-leġiżlatura, id-deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni, inkluż l-iskejjel, u dwar il-qasam tas-Saħħa f’Għawdex, qed jittieħdu mill-Ministeri rispettivi f’Malta.

Agħar minn hekk, qed jirriżulta li lanqas konsultazzjoni mal-Ministeru għal Ghawdex mhu qed isir: almenu hekk gara f’dan il-każ. Fil-fatt, minn żewġ mistoqsijiet parlamentari li saru mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, jirriżulta li fil-każ tal-Kampus tal-MCAST f’Għawdex, qabel ma ħa d-deċiżjoni, il-Gvern m’għamilx konsultazzjoni ma’ min kien se jintlaqat. Fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kkonferma li ma kienx ikkonsultat dwar it-tneħħija tal-iskola tal-Arti minn Għajnsielem lejn ix-Xewkija. Dan għaliex, meta wieġeb il-mistoqsija parlamentari, qal biss li l-edukazzjoni mhix parti mid-dekasteru tiegħu u talbu jagħmel id-domanda lil Ministeru konċernat.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo wkoll ikkonferma li la kkonsulta mal-Kap tal-Iskola tal-Arti ta’ Għajnsielem u wisq anqas mal-għalliema. Fil-fatt, għal mistoqsija ta’ Chris Said, Evarist Bartolo wieġeb biss li kkonsulta mad-Direttorati u mat-tmexxija tal-MCAST. Hu wieġeb ukoll li ma nħassitx il-ħtieġa li tiġi konsultata l-Union tal-Għalliema, l-MUT, għax il-kundizzjonijiet tal-għalliema ma nbidlux.

Il-Ministru ta’ Għawdex lanqas ma wieġeb mistoqsijiet ta’ dan is-sit dwar jekk kienx avżat minn qabel li uffiċjali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni kienu se jmorru jiżgumbraw il-bini tal-iskola tal-Arti biex dan jinbidel f’kampus tal-MCAST. Deċiżjoni li tħabbret il-ġurnata ta’ qabel mill-PM u mexxej Laburista waqt attivita’ politika tal-Partit Laburista.

Għalliema li tkellmu magħna rrimarkaw ukoll kif din l-iskola tal-arti, li nbniet bil-fondi tal-Unjoni Ewropea, u skejjel oħra speċjalizzati f’Għawdex ilhom ix-xhur jaraw tnaqqis fin-numru ta’ studenti. Sas-sena li għaddiet, f’din l-iskola kienu jattendu aktar minn 1,000 student, uħud minnhom saħanistra Maltin li kienu jagħżlu minn jeddhom biex jieħdu l-lezzjonijiet f’Għawdex.

Dan ifisser li proporzjonalment, meta wieħed iqabbel in-numru ta’ studenti mal-popolazzjoni, l-iskola ta’ Għawdex kienet tospita aktar minn studenti minn Malta.

Imma matul l-aħħr sena, in-numru ta’ studenti fl-iskola tal-arti f’Għawdex naqas drastikament, u jidher li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern se tagħti daqqa oħra lil din l-iskola.