Editorjal

Editorjal: Il-Partit Laburista jkompli jtebba’ l-kredenzjali demokratiċi tiegħu

F’Malta, l-uniku gvern li qatt iggverna lill-pajjiż kontra r-rieda tal-maġġoranza kien Gvern Laburista, apparti ħakkiema barranin. It-tebgħa fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Labour hi kbira b’dak li għamel fil-ħames snin u nofs bejn l-1981 u l-1987.

1981-87 vs twessigħ u tisħiħ tad-demokrazija
Gvernijiet Nazzjonalisti, min-naħa l-oħra, wessgħu u saħħew id-demokrazija tagħna b’ħafna modi u dejjem fittxew il-qbil minn qabel ta’ oppożizzjonijiet Laburisti kull meta riedu jagħmlu xi bidla li kellha x’taqsam ma’ elezzjonijiet, huma liema huma.

Kull tibdil dwar elezzjonijiet, huma liema huma, sar b’kunsens
Għalkemm ċerti liġijiet dwar l-elezzjonijiet m’għandhomx bżonn iż-żewġ terzi, xorta jibqgħu materji kostituzzjonali għax jirregolaw ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istat u għalhekk gvernijiet Nazzjonalisti dejjem mexxew għal bidliet fihom biss b’kunsens.

Bi qbil it-terminu tal-kunsilli minn tlieta għal erba’ snin
Gvern Nazzjonalista daħħal saff ġdid ta’ tmexxija demokratika bil-kunsilli lokali. L-elezzjonijiet tal-kunsilli kienu jsiru terz tal-kunsilli kull sena biex kull kunsill jitla’ għal tliet snin. Meta nħass il-bżonn li t-terminu jkun ta’ erba’ snin, bi qbil mal-Labour inbidlet il-liġi biex bdew isiru l-elezzjonijiet ta’ nofs il-kunsilli kull sentejn. Bi qbil.

Issa, bla tfittxija għal qbil, jitneħħew l-elezzjonijiet tal-kunsilli
Mhux hekk il-Gvern Laburista issa. F’attività tal-Labour tal-Ħadd filgħodu, il-mexxej Laburista Joseph Muscat qal li n-nies issa għajjew jivvutaw u l-elezzjonijiet tal-kunsilli għandhom jitneħħew tul d al-ħames snin.

L-elezzjonijiet isiru għax il-poter hu ċens jagħlaq…
L-elezzjonijiet – huma f’liema saff ta’ amministrazzjoni huma – ma jsirux għal wiċċ xi ħadd jew bi grazzja ta’ xi ħadd. Isiru għax kull min għandu l-inqas poter fil-pajjiż, mill-Prim Ministru sal-kunsillier tal-iċken lokalità, dak il-poter silfuhulu n-nies għat-terminu li għalih ivvutaw; ħames snin f’parlament, erba’ snin f’kunsill; ċens jagħlaq.

…u mhux għax ifettillu hekk min qiegħed fiċ-ċens
Meta jagħlaq iċ-ċens, il-poter jerġa’ lura għand l-elettorat – tal-pajjiż jew tal-lokalità – li l-maġġoranza tiegħu għandha d-dritt mill-aktar ħieles li ġġedded iċ-ċens jew tagħtih lil ħaddieħor għaż-żmien miftiehem. Għalhekk isiru l-elezzjonijiet; mhux għax ikollu aptit min ikun fiċ-ċens. Min jgħajja jivvota għandu kull dritt ma jmurx.

Tebgħa oħra fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Labour
Din tat-tneħħija tal-elezzjonijiet tal-kunsilli għal dil-leġiżlatura għax hekk iddeċieda Joseph Muscat hi tebgħa oħra fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Labour. M’aħniex fl-1987, imma l-mentalità tat-tneħħija tal-elezzjonijiet bla konsultazzjoni ta’ xejn u ma’ ħadd ġejja mill-istess tebgħa li tittratta l-poter qisu xi ċens perpetwu u mhux dak li hu: sejħa min-nies għas-servizz lin-nies li jiddeċiedu kemm iddum in-nies biss.