Il-Malta Freeport u wieħed mill-operaturi ta’ krejnijiet tal-Port Ħieles kienu ordnati jħallsu ‘l fuq minn €35,000 f’danni lill-ħaddiem ieħor li weġġa fuq il-post tax-xogħol fl-2010.
George Zammit kien fetaħ il-kawża għad-danni fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l- Freeport u Raymond Felice. Huwa qal fil-Qorti li waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ lashing/unlashing, Felice li kien qiegħed jopera l-krejn għamel manuvra li wassal sabiex parti mill-irbit tal-kontejner (twistlock) inqaras u niżel b’saħħa fuqu.
Inċident li fih qal li sofra ġrieħi serji u ksur f’diversi partijiet ta’ ġismu. Dan wassal biex Zammit ma setax jaħdem għal perjodu twil u sofra telf ta’ qliegħ u diżabilita’ permanenti.
Huwa spjega li l-post tax-xogħol fejn kien jaħdem u Felice kienu responsabbli għal dan l-inċident minhabba nuqqas ta’ diliġenza, prudenza u ħsieb u wkoll peress li l-kumpannija ma pprovdietx ambjent sikur tax-xogħol.
L-Imħallef AnthonyEllul qal li ma hemm l-ebda prova li wriet li Zammit ikkontribwixxa b’xi mod għall-inċident. Il-krejn ma kienx mgħammar sew u din kienet responsabbilita tal-Freeport. Iż-żewġ partijiet ġew ordnati jħallsu b’kollox lil Zammit is-somma ta’ €35,833.35 f’danni.
//= $special ?>

