Lokali

Ikomplu t-taħdidiet bejn il-UĦM u l-Gvern dwar ir-rikonoxximent tal-union għall-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services

Wara li matul il-ġurnata komplew it-taħditiet bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-Gvern dwar ir-rikonoxximent tal-UĦM bħala r-rappreżentanta ewlenija tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services Limited, il-union qed tistenna risposta li l-kumpanija tal0-istat li llum qed tmexxi t-trasport pubbliku tirrikonoxxi lill-UĦM bħala r-rappreżentant ewlenina tal-ħaddiema.
Matul il-laqgħa l-UĦM ressqet il-provi tagħha li tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-ħaddiema tal-kumpanija tal-Gvern quddiem il-Ministru Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi.
Il-ġimgha li għaddiet il-UĦM tat twissija ta’ azzjoni industrijali fil-Malta Public Transport Services Limited – il-kumpanija tal-istat li mill-bidu ta’ din is-sena bdiet tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku minflok l-Arriva Malta. Dan minħabba li l-kumpanija naqset li tagħti rikonoxximent lill-UĦM bħala r-rappreżentanta ewlenija tal-ħaddiema.
Il-UĦM qalet li jekk il-kumpanija se tibqa’ tiċħad li jibda l-proċess tal-verifika, kienet lesta li llum tibda azzjonijiet industrijali fil-Malta Public Transport Services Limited, fosthom il-waqfien tat-trasport pubbliku f’ċerti ħinijiet.
Il-UĦM qed issostni li għandha provi li fl-aħħar xhur daħlu ammont sostanzjali ta’ impjegati tal-Malta Public Trasport Services Limited bħala membri tagħha, u li m’għadhiex aktar il-General Workers’ Union (GWU) li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema fil-kumpanija.
Sorsi qalulna li s’issa l-kumpanija ma tat l-ebda direzzjoni lid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali biex jibda l-proċess ta’ verifika.