Knisja Lokali

“Il-Knisja ma titlobx privileġġi, imma li tkun bħal ilħna oħrajn f’demokrazija ħajja”

“Jeħtieġ li l-midja soċjali tkun pro-attiva u fl-istess ħin responsabbli, sabiex twassal il-verita’”. Dan sostnieh Douglas Kmiec, l-eks Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal Malta, waqt konferenza organizzata mill-Arċidjoċesi fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali.

It-tema tal-konferenza kienet “Jekk is-sekularizzazzjoni ssir sekularizmu, x’jigri mid-demokrazija? Ir-relazzjoni bejn Knisja u Stat”.

Douglas Kmiec qal li meta segwa dak li qalu l-partiti ewlenin Maltin kontra l-abort, tul il-kampanja elettorali, xtaq iwassal il-messaġġ lura fl-Istati Uniti u jgħid li hu possibli li l-ħajja f’wiċċ id-dinja tkun protetta.

Hu stqarr li meta persuna tieħu sehem fil-politika, ma tistax tħalli t-twemmin warajha, għax meta tmur lura ma ssibux.

L-eks Ambaxxatur Amerikan irrefera għal dak li qed jiġri fl-Iraq, partikularment għall-qtil ta’ 1,700 suldat Iraqin minn ġellieda Sunni u fisser kif ir-reliġjon qed tintuża b’mod djaboliku biex tippromwovi l-mibegħda.

Kmiec irrefera wkoll għal dak li qed iseħħ fl-Eġittu, fejn minkejja li saret elezzjoni demokratika, id-drittijiet tal-bniedem qed jinkisru bl-addoċċ.

Hu qal li s-sekularizzazjoni m’għandhiex twassal għall-esklużjoni tar-reliġjon mill-ħajja tal-bniedem u żied li l-Knisja f’soċjeta’ sekulari titlob li tkun trattata b’mod ġust, u ma tkunx imwarrba u projbita milli twassal it-tagħlim tagħha.

Douglas Kmiec tkellem dwar il-midja soċjali li ddeskriviha bħala “realta’ virtwali” u saħaq biex wieħed ikun prudenti dwar l-użu tagħha.

Fil-messaġġ tiegħu fi tmiem il-konferenza, l-Arċisqof ta’ Malta Pawl Cremona stqarr li f’dinja sekularizzata u f’soċjeta’ pluralista, kulma titlob il-Knisja hu li leħinha jkun fost l-ilħna l-oħrajn li jinstemgħu fis-socjeta’. Ma titlobx privileġġi u vantaġġi, imma d-dritt li għandu kulħadd skont il-prinċipju tad-demokrazija.

Knisja li tikkomunika bl-imħabba, fil-ġid li tagħmel ma’ kulhadd, ġid li jmur ukoll lil hinn minn xtutna bil-missjunarji tagħha, tixtieq li tkun tista’ tikkomunika b’leħinha b’mod ħieles mingħajr ma jkun hemm min jipprova jħammiġha biex isikittha.

Aktar qabel tkellem id-Delegat tal-Arċisqof Patri Charles Tabone u qal li s-sekularizzazzjoni tfisser li s-socjeta’ tkun awtonoma u għalhekk it-tifsira li tagħti lir-realtajiet ta’ madwarha ma tkunx neċessarjament marbuta ma’ xi twemmin reliġjuż.

Soċjeta’ sekulari ma teskludix li jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja ladarba t-tnejn għandhom l-għan li jfittxu u jassiguraw il-ġid komuni tal-persuni li filwaqt li huma membri tal-Istat, jistgħu jkunu wkoll membri tal-Knisja.