Il-Partit Nazzjonalista jemmen fis-sussidjarjetà, jiġifieri li d-deċiżjonijiet jittieħdu f’livelli l-aktar viċin tan-nies. Għalhekk, fid-dawl tar-Riforma li qed jipproponi l-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Gwardjani Lokali, il-PN qed jipproponi b’mod kostruttiv u pożittiv li l-Gwardjani Lokali jitħaddmu mill-Kunsilli Lokali.
Il-proposta tal-PN ġiet spjegata waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius. David Agius sostna li jkun hemm rotazzjoni tal-Gwardjani bejn Kunsill u ieħor biex l-abbużi, kemm favur kif ukoll kontra xi naħa jew oħra, ma jinbtux. Fi kliem il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, din is-sistema għandha titħaddem bis-sehem ukoll tal-privat.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, David Agius ippreżenta tabella (ritratt isfel), li fiha l-PN qed jipproponi li n-numru ta’ Gwardjani f’kull lokalità jkun jiddependi fuq id-daqs tal-Kunsill Lokali. L-importanti, sostna David Agius, li jkunu l-Kunsilli Lokali li jiddeċiedu fejn ikunu l-Gwardjani għax huma jafu verament x’inhuma l-interessi fil-lokalitajiet.
Is-sistema kif proposta mill-PN tagħmel enfasi fuq l-edukazzjoni, kemm tal-Gwardjani kif ukoll tal-poplu, u anke fuq l-ambjent tal-lokal. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Għawdex, il-PN jemmen li s-sistema qed taħdem kif inhi u għalhekk m’għandiex tinbidel.
Din il-proposta tal-PN hi bbażata fuq konsultazzjoni li saret ma’ Sindki u Kunsillieri, b’ħidma li saret mal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-PN. Fil-fatt, għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-President u s-Segretarju tal-KKLPN Graziella Galea u Amanda Abela.
//= $special ?>